Ilment imressaq mill-Campaign for National Independence (CNI) kontra l-Public Broadcasting Services dwar talba għal Programm fil-ġimgħa fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mis-CNI bid-data tal-4 ta’ Settembru 2013 dwar talba li kien għamel is-CNI lill-Public Broadcasting Services fit-2 ta’ Settembru 2013 li għaliha l-istazzjon naqas li jwieġeb b’mod soddisfaċenti għas-CNI fiż-żmien stipulat bil-Liġi u għalhekk is-CNI talab lill-Awtorità biex tiddeċiedi hi dwar il-kwistjoni.
Għal dan is-smigħ dehru l-Avukat Dr Karmenu Mifsud Bonnici, f'ismu bħala Chairman u in rappreżentanza tas-CNI u s-Sur Reno Bugeja, Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet u Ġrajjiet Kurrenti tal-PBS u l-Avukatessa Dr Yanika Caruana, konsulent legali, li dehru għall-istazzjon.
L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet tal-Avukat Mifsud Bonnici, li sostna li s-CNI huwa moviment politiku li jwassal l-unika vuċi ta’ kritika kontra l-Unjoni Ewropeja. Is-CNI kien ilu għal numru ta’ snin jitlob li jingħata ħin fuq l-istazzjon pubbliku biex jirribatti l-propaganda li ssir fuq l-istess stazzjon u li l-pubbliku Malti u Għawdxi kellu kull dritt li jisma’. Huwa qal li minkejja li hemm programmi li jixxandru regolarment sostnuti mill-Unjoni Ewropeja is-CNI qatt ma ingħata l-opportunità li jwassal il-fehmiet tiegħu permezz ta’ programm u dan bi ksur tal-provedimenti tal-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dr Mifsud Bonnici irritjena li stazzjoni tax-xandir pubbliku kien fid-dmir li jara li l-veduti kollha jiġu mwassla lill-pubbliku Malti u Għawdxi u minħabba li t-talba tiegħu qatt ma ġiet aċċettata mill-PBS kien qed jitlob lill-Awtorità biex tiddeċiedi fuq dan l-ilment u tieħu dawk il-passi li hi jidhrilha li huma idoneji fiċ-ċirkostanzi.
Is-Sur Reno Bugeja, għan-nom tal-istazzjon issottometta li fid-9 ta’ Settembru, 2013 l-istazzjon kiteb lil Dr Mifsud Bonnici fejn infurmah li l-PBS ma taddottax il-prattika li tassenja u xxandar programmi ta’ organiżazzjonijiet diversi. Madankollu, kompla l-istazzjon fl-istess ittra, il-PBS tkun lesta li tagħti coverage fl-aħbarijiet ta’ attivitajiet organiżżati mis-CNI li jkollhom valur ta’ aħbar, flimkien mal-ħruġ ta’ stediniet għal programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jkunu ser jiddiskutu suġġetti li jkollhom rilevanza għas-CNI. Is-Sur Bugeja spjega li l-PBS regolarment xandar stqarrijiet u kkaverja attivitajiet tas-CNI fil-bulletini tal-Aħbarijiet ta’ TVM. Rigward programmi, l-istazzjon għandu proċedura ċara u magħrufa minn kulħadd dwar kif jintgħażlu programmi biex jidħlu fl-iskeda u dan jagħmlu permezz ta’ ħruġ ta’ sejħa għal proposti ta’ programmi u ma kien hemm xejn li jżomm lis-CNI li jagħmel tali proposta fiż-żmien propizju. Id-deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ programm tittieħed mill-Bord Editorjali fuq bażi ta’ kriterji stabbiliti u b’rispett sħiħ lejn il-liġi tax-xandir. Huwa sostna li l-osservanza tal-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Liġi tax-Xandir f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mparzjalità ma tiġix segwita biss billi jingħata permess għall-programm fil-ġimgħa kif qed jitlob is-CNI.
Meta qieset is-sottomissjonijiet kollha magħmula waqt is-smigħ tal-ilment, l-Awtorità iddeċidiet li ma kienx hemm raġuni biżżejjed biex it-talba tas-CNI għal programm fil-ġimgħa tiġi milqugħa. L-assigurazzjoni li ta l-PBS kemm fl-ittra tiegħu lis-CNI kif ukoll waqt is-smigħ tal-ilment u ċjoe’ li ma kien hemm l-ebda diffikulta li s-CNI jingħata coverage fl-aħbarijiet ta’ attivitajiet organizzati minnhom li jkollhom valur ta’ aħbar, u li jinħarġu stediniet għall-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jkunu ser jiddiskutu suġġetti li jkollhom relevanza għall-imsemmija organizazzjoni, kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni u tal-Liġi tax-Xandir biex ikun hemm bilanċ u mparzjalità. Għalhekk ma kienx hemm lok ta’ azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Awtorità f’dan l-istadju, madankollu hi ser tibqa’ ssegwi s-sitwazzjoni biex tara li l-assigurazzjoni mogħtija mill-istazzjon tkun imwettqa.
23 ta' Settembru 2013