TVM - Current Affairs programmes - 25 ta' Ottubru 2021




Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista għall-struzzjonijiet maħruġa mill-PBS lill-produtturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti

L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista (PN) rigward struzzjonijiet maħruġa mill-PBS sabiex produtturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti jinfurmaw lill-management ħmistax-il ġurnata qabel ma jtellgħu programm dwar it-tema li se jiddiskutu u min ser ikunu l-mistiedna. Fl-ilment tiegħu, l-PN qal li b’dan il-mod qed ikun hemm kontroll assolut fuq il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u b’hekk il-ġurnalisti mhux qed jitħallew fil-libertà li jaġixxu fil-ħidma tagħhom mingħajr il-kunsens tal-management. Qal li din id-direttiva tmur kontra l-aktar prinċipji bażiċi ta’ ġurnaliżmu ħieles u serju u turi li x-xandir pubbliku mhux ser ikollu diskussjoni fuq suġġetti tassew kurrenti.

Il-PN fl-ilment tiegħu qal li din tmur kontra l-linji gwida tal-Awtorità fuq il-ħtieġa ta’ attwalità fi programmi ta’ aħbarijiet u ta’ diskussjoni fuq temi kurrenti.

Għas-seduta li saret fil-25 ta’ Ottubru 2021, dehru virtwalment is-Segretarju Ġenerali tal-PN Dr Michael Piccinino u Dr Zammit Dimech għall-PN filwaqt li għall-PBS dehru s-Sinjura Norma Saliba bħala l-editur u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.

L-Awtorità semgħet lil Dr Zammit Dimech li  spjega li din il-miżura li l-PBS għamel lill-produtturi kollha ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti hija miżura anti demokratika u ma teżisti mkien fid-dinja f’pajjiżi demokratiċi. Qal li l-produtturi għandhom jikkoordinaw mal-editur b’mod effiċjenti fuq bażi day to day. Dr Zammit Dimech talab lill-Awtorita tordna li din il-miżura tiġi rtirata u injorata b’mod assolut. Qal li l-PN kien qed jistenna li l-Awtorità minn jeddha kellha taġixxi u tordna li din il-miżura titneħħa aktar u aktar meta l-linji gwida tal-Awtorità jitolbu kriterji speċifiċi mill-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.  Dr Zammit Dimech iċċara li l-linji gwida li rrefera għalihom il-Partit Nazzjonalista fl-ilment u fis-sottomissjoni tiegħu kienu l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 li jittrattaw ħtiġiet dwar aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.

Min-naħa tiegħu, Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS saħaq li dan il-komunikat li ta l-PBS lill-produtturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ma jistax iħares lejh bħala komunikat u jieqaf hemm imma l-Awtorità għandha tara jekk din id-‘direttiva’ kellhiex effett fuq il-programmi tal-PBS u jekk issarrfitx fi ksur tal-liġi tax-xandir mil-lat ta’ kontenut ta’ programmar. Għaldaqstant stieden lill-Awtorità biex tara jekk mill-programmi kollha tal-PBS matul dan l-aħħar xahar kienx hemm ksur ta’ Paragrafu 12 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 li jirregolaw fuq tliet punti dwar x’għandu jkun l-għan tax-xandara meta jippreżentaw programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. Dr Vassallo kompla li kien hemm każijiet aktar minn darba fejn il-programmi kellhom jinbidlu fl-aħħar minuta minħabba tema attwali u kurrenti li tkun qed tiżviluppa. Qal ukoll li l-istazzjon għandu obbligu biex jara li fejn hu possibbli ma jkunx hemm ripetizzjonijiet ta’ suġġetti u mistednin u għandha tiġi eżerċitata r-responsabbiltà editorjali biex tara li jkun kontenut attwali u mhux ripetut. 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ dawn il-punti u rat li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ minħabba li din il-miżura hija waħda interna li ħa l-istazzjon bħala direzzjoni għall-produtturi tiegħu. L-Awtorità tifhem li l-mod ta’ kif inhi miktuba setgħet tinftiehem ħażin minħabba li ma kienx ċar l-għan wara dan il-komunikat intern. L-Awtorità tagħraf li l-liġi tagħtiha l-possibiltà li tieħu azzjoni jekk din il-miżura tagħti lok għal ksur tal-provvedimenti relatati mal-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u s’issa dan ma jirriżultax. Madanakollu l-Awtorità tax-Xandir tixtieq li tiġbed l-attenzjoni biex programmi li huma mmirati bħala programmi ta’ ġrajjiet kurrenti jittrattaw temi attwali u kurrenti għaliex huwa essenzjali li s-servizz pubbliku jkollu progammi ta’ ġrajjiet kurrenti li jservu ta’ pjattaforma għal diskussjoni f’soċjetà demokratika.  

 

 

1 ta’ Novembru 2021