TVM - Deċeduti - 2 t'Awwissu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fejn ġie allegat li fil-programm Deċeduti li xxandar fuq TVM2 fit-2 t’Awwissu għall-ħabta tas-2.00p.m. inkiser l-Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir peress li deher banner tax-xarba alkoħolika Bacardi Breezer.

L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet tal-Kap Eżekuttiv li qal li dan in-nuqqas kien wieħed serju minħabba li ngħatat prominenza ta’ xarba alkoħolika f’ħin li mhux permess li jsir reklamar ta’ xorb alkoħoliku, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru, 2014. 

Is-Sur Zammit, Kap tal-Programmi tal-PBS, qal li din kienet kwistjoni teknika ta’ filming fejn intużat narrow lens u ma kientx kwistjoni ta’ ffukar biex tingħata prominenza u sostna li l-wiri ta’ dan il-banner ma kienx intenzjonat li jkun jidher bi prominenza. Huwa skuża ruħu rigward ir-repeats tal-programmi u ammetta li dawn ma jiġux remonitored.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata. Peress li kienu għaddew tliet snin minn meta l-istazzjon kien ġie mwiddeb dwar dan il-programm, l-Awtorità konsistenti mal-prassi adottata minnha, iddeċidiet li l-istazzjon kellha terġa’ tintbagħatlu twiddiba biex jassigura li ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ dan il-ksur tal-liġi fil-futur u li tinsisti li jkun hemm sistema ta’ moniteraġġ aħjar minn naħa tal-istazzjon biex tali nuqqasijiet ma jseħħux.

Illum 11 ta’ Settembru, 2014