TVM - Dissett - 2 ta’ Marzu 2016




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-Edizzjoni tal-Programm Dissett li xxandar fuq TVM fit-2 ta’ Marzu 2016


L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 9 ta’ Marzu 2016 rigward il-programm Dissett li xxandar fuq TVM nhar l-Erbgħa 2 ta’ Marzu 2016 li fih kellu bħala mistieden waħdu lill-Ministru Konrad Mizzi.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Matthew Paris u lis-Sur Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fil-15 ta’ Marzu 2016.

Min-naħa tiegħu Dr Matthew Paris ikkontenda li skont il-Partit Nazzjonalista, l-edizzjoni tal-programm Dissett kien iddiskuta tema ta’ kontroversja politika u li għaldaqstant il-programm, skont il-liġi, kellu jkun bilanċjat. Żied li waqt il-programm, ma kien hemm ħadd in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista biex jagħti l-veduti tiegħu dwar dak li kien qed jiġi diskuss u għalhekk inħoloq żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista li wassal għall-ilment.

Dr Paris sostna li r-risposta tal-PBS m’offriet l-ebda rimedju għal dan l-iżbilanċ. Huwa qal li stenna li l-istazzjon jagħmel offerta bħal ma għamel fil-każ tal-programm li kien jinvolvi intervista one on one mal-Prim Ministru u li l-ġimgħa ta’ wara kien hemm replika mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Paris elenka numru ta’ deċiżjonijiet li l-Awtorità tax-Xandir (diversament komposta) kienet ħadet f’każijiet bħal dawn, fosthom dwar parteċipazzjoni tal-Ministru Manuel Mallia f’Dissett tat-3 ta’ Marzu 2014, il-każ tal-aħbarijiet tal-14 t’Awwissu 2015 u l-edizzjoni ta’ TVAM ta’ nhar is-16 ta’ Jannar 2014. Żied li l-opinjonisti li taw il-kumment tagħhom waqt l-edizzjoni ta’ Dissett ma kinux jirrappreżentaw il-veduti tal-Partit Nazzjonalista u dan kompla biex inħoloq żbilanċ.

Min-naħa l-oħra Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS Ltd ikkontenda illi tali ilment kien qed jallega li programm one on one ma jistax isir. Huwa saħaq li l-għan tal-programm kien li “jiggrilja” lill-Ministru Mizzi dwar din il-kwistjoni. Żied li ai termini tal-Avviż Legali 350.14, il-bilanċ ma kienx matematiku u jista’ jitqies fuq serje sħiħa ta’ programmi. Qal ukoll li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet inkluża fis-servizz introduttorju tal-programm.

Dr Vassallo kompla billi fakkar li din l-edizzjoni tal-programm kellha tliet opinjonisti li wasslu l-fehma tagħhom permezz ta’ SOTs u li f’każ li l-Ministru Mizzi qal xi ħaġa waqt dan il-programm li kienet teħtieġ kjarifika, dejjem kien hemm id-dritt ta’ risposta.

Is-Sur Reno Bugeja intant qal li dak li qal il-Ministru Mizzi waqt il-programm kienu ammissjonijiet u li l-programm ma kien ħoloq l-ebda żbilanċ.

Wara li l-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-każistika dwar każi simili kkostatat is-segwenti, u ċjoè:

L-Awtorità ma tħossx li għandha tilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kif ġie mitlub minħabba li ma kienx hemm każ ta’ żbilanċ.

L-Awtorità tifhem li l-ħsieb editorjali u l-iskop wara din l-edizzjoni tal-programm Dissett kienet primarjament li jsiru mistoqsijiet lill-Ministru Konrad Mizzi dwar il-kwistjoni tal-Panama.

Dawn kienu mistoqsijiet li bilfors kellhom isiru u li fihom infushom ma jġibux żbilanc jew nuqqas ta' imparzjalità. Madankollu, uħud mir-risposti mogħtija kienu kummenti u osservazzjonijiet politiċi li għalihom il-Partit Nazzjonalista kellu d-dritt li jsemma l-veduti tiegħu. Għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li tagħti dritt ta’ risposta ta’ tliet minuti u dan skont paragrafu 8.15.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 u li tali risposta għandha tixxandar fl-edizzjoni li jmiss tal-programm Dissett u għandha tinqara fil-bidu tal-programm mill-preżentatur.


Illum 21 ta’ Marzu, 2016