TVM - Dissett - 20 ta’ Marzu, 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat l-7 t’April, 2014 rigward il-programm Dissett li xxandar fl-20 ta’ Marzu, 2014 liema programm tratta l-pjan tal-Gvern li jaħżen il-gass (LNG) għall-power station il-ġdida fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd. F’dan il-każ l-Awtorita’ semgħet ukoll lill-Professur Alfred Vella li deher bħala xhud tal-istess stazzjon.

Il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan il-każ kien qed jilmenta għal mod kif tmexxa dan il-programm li kien jitratta dwar materja ta’ kontroversja politika.  Żied li l-għażla tal-mistiedna kienet intiża li tmexxi l-quddiem l-aġenda tal-Gvern.  Żied li dwar il-Professur Alfred Vella, l-Prim Ministru kien iddikkjara li dan kien konsulent tiegħu, l-Inġinier Paul Cardona kien manifestament favur li l-gass jinħażen fuq tanker fil-port filwaqt li l-Inġinier Arthur Ciantar tkellem kontra l-proposta li t-tanker jiġi ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk.  Żied li filwaqt li l-Inġinier Arthur Ciantar għalkemm kontra l-proġett ma kienx jirrappreżenta l-Oppożizzjoni, l-istess Inġinier Cardona ma ċaħadx li huwa mħallas mill-Gvern u jifforma parti mill-proġett. Il-Partit Nazzjonalista qal li fil-programm għalkemm kien hemm kummenti irrekordjati ta’ Dr Ann Fenech, l-Perit Carmel Cacopardo u Dr Miriam Dalli, kien hemm rappreżentanti tal-Gvern u ta’ dawk direttament interessati fil-proġett u ma kienx hemm rappreżentant tal-Oppożizzjoni. 

Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li l-mod tal-għażla tal-mistiedna waqgħet fuq esperti biex il-programm ikun wieħed bilanċjat.  Żied li għalkemm il-pożizzjoni tal-Inġinier Arthur Ciantar kienet magħrufa dan ma kienx jaf x’kienu ser jgħidu l-esperti l-oħra.  L-istazzjon qal li d-dikjarazzjoni tal-esperti fil-materja kienet ċara u kienet l-intenzjoni li jippreżenta argumenti xjentifiċi minn nies tekniċi u esperti u mhux opinjonijiet.  L-istazzjon żied li  d-diskussjoni dwar din il-materja ma kellhiex tieqaf fuq l-aspett politiku u t-telespettatur kien espost għal ħafna interventi politiċi fuq is-suġġett, u għalhekk f’dan il-programm partikolari ried juri l-aspetti tekniċi.  

L-Awtorità ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li preċedentement kienet rat il-filmat relattiv iddeċidiet li ma kienet issib l-ebda raġuni li setgħet twassal biex il-veduti xjentifiċi espressi minn nies esperti fil-qasam setgħu b’xi mod jikkostitwixxu żbilanċ.  Mid-dikjarazzjonijiet sottomessi waqt is-smigħ l-Awtorità kkonstatat li l-ebda wieħed mill-esperti li ħadu sehem fil-programm ma kien espert imħallas mill-Gvern u li seta’ b’xi mod l-għażla tiegħu tkun intiża biex tmexxi ‘l quddiem l-aġenda tal-Gvern, kif intqal fl-ilment.  Mil-lat politiku, it-tliet partiti ingħataw l-istess opportunita` biex iwasslu l-veduti tagħhom waqt il-programm permezz ta’ kumment irrekordjat. Kienet diskrezzjoni tal-produttur/preżentatur li jwassal il-kummenti xjentifiċi dwar is-suġġett u ma bl-ebda mod ma jista’ jwassal għal xi forma ta’ żbilanċ kif kien intqal fl-ilment tal-Partit Nazzjonalista.  In vista ta’ dan l-Awtorità ma sabet l-ebda bażi li fuqha setgħet tikkonsidra li l-kontenut tal-programm jew kif ġie ppreżentat jikkostitwixxi żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista u għalhekk iddeċidiet li ma kienitx qed tilqa’ l-ilment magħmul mill-istess Partit.

Illum 30 t’April, 2014