Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar il-Programm Dissett tad-29 ta’ Dicembru 2012
L-Awtorità iltaqgħet b’urġenza illum is-Sibt 29 ta’ Diċembru 2012 biex tikkonsidra ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-edizzjoni tal-programm Dissett skedat li jixxandar il-lejla fuq TVM2 bil-parteċipazzjoni tas-Sur Louis Grech bħala Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, ċioè il-Partit Nazzjonalista u tal-Public Broadcasting Services Ltd., kif ukoll ikkunsidrat il-kommunikazzjoni mill-Partit Laburista li waslet għandha ftit minuti qabel il-bidu tas-smiegħ tal-ilment, l-Awtorita’ iddeċidiet li:
Fiċ-ċirkostanzi kellha tagħmel rakkomandazzjoni li l-programm isir bil-parteċipazzjoni tal-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista u tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari tal-Partit Laburista, kif jidher li hemm qbil bejn iż-żewġ partiti, u tirrakomanda li minħabba l-bidla fil-format u fil-parteċipanti, l-edizzjoni tal-lejla tiġi postposta għal nhar is-Sibt 5 ta’ Jannar 2013.
29 ta' Diċembru 2012