Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward id-dritt ta’ rispsota fil-konfront ta’ PBS dwar il-Malta Eurovision Song Contest
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward id-dritt tar-risposta li l-PN għażel li jeżerċita fil-konfront ta’ PBS dwar il-Malta Eurovision Song Contest.
Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Dr Michael Piccinino rrefera għad-dritt ta’ risposta li ntbagħtet lill-PBS nhar il-5 ta’ Frar 2024 fit-15:42, segwita minn skambju ta’ emails. Kompla li l-PBS, bħala xandar pubbliku, xandar li ried hu u mhux dak imniżżel fir-risposta tal-partit. Hu kkwota mil-liġi li dritt tar-risposta, Art.8.15.1 tal-L.S.350.14, għandu jingħata bl-istess prominenza iżda fil-fatt din is-suppost dritt ta’ risposta xxandret ferm aktar ‘l isfel fil-bulettin. Innota wkoll li skont l-istatistika, l-bidu u t-tmiem tal-aħbarijiet ma jgawdux l-istess prominenza.
Dr Mark Vassallo wieġeb li d-dritt tar-risposta mhux dritt li mhux sindikabbli jew li jagħtik mano libera li strettament ixxandar dak mibgħut. Dr Mark Vassallo rrefera għal Art.8.15.2 tal-L.S.350.14 dwar il-preġudizzju għal Art.21 tal-Att dwar l-Istampa. Hu qara t-test tal-liġi dwar ir-restrizzjoni li tapplika fuq id-dritt tar-risposta. Kompla billi qabbel l-istqarrija tal-PN ma’ dan it-test. Dr Mark Vassallo għarraf lill-Bord li Dr Michael Piccinino ġie mwieġeb ukoll.
Dr Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li l-liġi tirreferi għall-Att dwar l-Istampa, ma jfissirx li l-liġi tax-Xandir ma għandhiex tiġi rispettata. Dr Mark Vassallo wieġeb li dan mhux il-każ għax il-liġi li tirreferi għad-dritt tar-risposta hija ben magħrufa.
Il-Bord osserva r-referenza li saret minn Dr Michael Piccinino għal Art.8.15.1(iv) tal-L.S.350.14 dwar il-prominenza u mhux isib ksur għall-fatt li l-ordni tal-bulletin ta’ madwar biss 30 minuta, jappartjeni għad-diskrezzjoni editorjali. Dwar ir-referenza għal Art.8.15.1(ii), il-Bord innota li din tikkuntrasta ma’ Art.8.15.1(iv), madankollu nnutat it-traskrizzjoni tax-xandira tas-6 ta’ Frar 2024 fejn il-PBS kien xandar ir-rwoli tal-persuni msemmija fir-risposta tal-PN. Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.
1 ta’ Marzu 2024
Smigħ 02/2024 Numru 7
Ref: 12/24