TVM - Gadgets - 11 ta' Mejju, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM  dwar il-programm Gadgets tal-11 ta’ Mejju, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm l-istazzjon xandar servizzi relatati mal-Canon Selphy Printer, liema servizzi fl-assjem tagħhom kienu meqjusa bħala reklamar b’ħabi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, kif ukoll lis-Sur Mario Micallef, f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lil Ms Martina Zammit f’isem il-produzzjoni, li minn naħa tagħha ikkontendiet li hekk kif isir b’oġġetti oħra, il-produzzjoni ipprovidiet informazzjoni lit-telespettaturi dwar kif jaħdem dan il-printer in kwistjoni, u preżentat kemm l-aspetti pożittivi u kif ukoll dawk negattivi tiegħu.

Is-Sur Mario Micallef min naħa tiegħu qal li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon kien qed ikun akkużat bi ksur tal-liġi f’din is-sensiela ta’ programmi.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv iddeċidiet li l-fatt li l-programm kien jinkludi mhux inqas minn tlett servizzi dwar dan il-printer u ċjoe’: (i) servizz dwar il-Canon Selphy Printer; (ii) feature ta’ Gadgettina li fih Martina Zammit uriet kif tista’ permezz ta’ dan il-printer toħroġ cover għal-mobile; (iii) rokna li fiha l-preżentatur beda jqassam ritratti li ħareġ mill-istess printer waqt attività tad-drifting, u kien jitqies eċċessiv u kien imur lil hinn mill-element informattiv.  In vista ta’ dan l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur kienet qed twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 1 ta’ Lulju, 2013