Akkuża fil-konfront ta’ PBSLtd. rigward il-programm
Gadgets li xxandar fis-16 ta’ Marzu, 2019 fuq TVM
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Gadgets li xxandar fis-16 ta’ Marzu, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm it-telespettaturi setgħu jaraw servizz li fih il-preżentatur Ian Busuttil Naudi għamel test fuq żewġ prodotti tad-ditta Hilti. Fis-servizz Ian Busuttil Naudi tkellem dwar il-Hilti Cordless Drill SF2-A u l-Hilti Laser Range Meter – PDS-2. Matul is-servizz il-preżentatur kien liebes ġakketta u elmu bil-kuluri u b’isem id-ditta inkwistjoni viżibbli (Hilti). Dan wassal sabiex il-kontenut inkwistjoni xxandar bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir. Barra minn hekk, il-kontenut tal-feature kompla wassal għal reklamar b’ingann minħabba li il-preżentatur semma biss karatteristiċi pożittivi ta’ dawn iż-żewġ prodotti.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem PBS Ltd u lil Ms Martina Zammit f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019. Minn naħa tagħha Ms Zammit ikkontendiet li f’dan il-feature ma kien hemm xejn moħbi jew bi ħsieb ta’ ingann u allura ma kienitx qed tifhem l-akkuża.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat irriteniet li ma kien hemm l-ebda valur miżjud fil-fatt li tul il-feature isem id-ditta deher bi prominenza konsiderevoli. In vista ta’ dan l-Awtorita’ ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi penali ridotta fl-ammont ta’ elf sebgħa mija u ħamsin Euro (€1750), liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
Ilum is-7 ta’ Mejju, 2019