Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
Gadgets tas-16 ta’ Mejju, 2020
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Gadgets tas-16 ta’ Mejju, 2020.
F’dan il-programm ixxandar servizz dwar Smart Wifi Devices li fih ingħatat informazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ dan l-apparat. Fis-servizz deher diversi drabi isem id-ditta GO filwaqt li lejn tmiem is-servizz il-preżentatur Ian Busuttil Naudi kkummenta wkoll li,
“Peress li dan huwa servizz offrut minn kumpanija lokali, ovvjament jekk ikolli xi tip ta’ problem għandi lil min insaqsi. Hekk qatt ma jkolli problem tal-internet id-dar”.
Dan wassal sabiex fis-servizz inkwistjoni, mhux talli sar effettivament reklam għall-iSmart Wifi Devices tad-ditta GO, iżda saħanistra sar reklam ukoll għas-servizz tal-after-sale tal-istess kumpanija. Wieħed mill-isponsors ta’ dan il-programm kienet id-ditta GO u dan kompla jwassal biex joħloq assoċjazzjoni bejn il-kontenut u r-reklam u għalhekk isir ir-reklamar b’ħabi.
Il-każ tressaq bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li l-kontenut kien jinkludi reklamar b’ħabi.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u għall-PBS Ltd dehru l-Avukat Shaun Zammit, il-Producer Martina Zammit u l-Kap tas-Sales u Reklamar Mario Micallef.
Martina Zammit qalet li xtaqet tiċċara punt li semmiet il-Kap Eżekuttiv dwar l-isponsor ta’ GO li xxandar f’dak il-programm partikolari. Qalet li huma għamlu ċert li ma jkunx hemm la reklam u lanqas sponsor tal-GO fl-edizzjoni ta’ Gadgets li qed tiġi akkużata.
L-Avukat Shaun Zammit qal li bħal kwalunkwe prodott li jidher fuq il-programm Gadgets, f’dan il-programm partikolari jidher il-logo tal-prodott ukoll. Qal ukoll li dan il-prodott huwa esklussiv għad-ditta GO u għalkemm hemm ditti oħra bi prodotti simili dan huwa totalment differenti.
Martina Zammit u Mario Micallef staqsew jekk l-Awtorità hijiex qed tiddiskrimina bejn prodott lokali u prodott barrani. Huma taw eżempju b’reviews li saru fuq prodotti barranin u semmew partikolarment reviews oħra li saru fuq l-Iphone. Il-Kap Eżekuttiv wieġbet li dan żgur mhux il-każ.
Il-Kap Eżekuttiv ippreżentat l-awdjo tal-episodju ta’ Gadgets tas-16 ta’ Mejju 2020 fejn instema’ ċar li wieħed mill-isponsors ta’ dan il-programm kienet il-kumpanija GO.
L-Awtorità iddiskutiet fit-tul u b’reqqa kbira dan il-każ u qablet unanimament li l-għażla tal-kliem li ntuża waqt ir-review ta’ dan il-prodott wasslet għal reklamar. L-Awtorità kkonkludiet li l-kontenut tal-programm Gadgets tas-16 ta’ Mejju 2020 kien jinkludi reklamar b’ħabi.
L-Awtorità qablet li hemm każ u li l-istazzjon kellu jeħel il-penali ta’ ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir. Il-penali mposta, skont il-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, hija ta’ €2,330.
Illum 7 ta’ Awwissu, 2020