TVM - Gadgets -17 ta’ Diċembru, 2016




Akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-programm Gadgets li xxandar fis-17 ta’ Diċembru, 2016

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-programm Gadgets li xxandar fis-17 ta’ Diċembru, 2017, f’seduta li nżammet fl-4 ta Lulju, 2017.

Il-preżentatur, Ian Busuttil Naudi, ta’ ħarsa lejn software li jagħti ċ-ċans lil dak li jkun li jħaddem żewġ operating systems fuq sistema MAC (i.e. Windows u OS X). Matul is-servizz mhux biss ingħatat informazzjoni relatata ma’ dan is-software (bl-isem Parallels Desktop), iżda saret intervista mal-Viċi President tal-kumpannija Parallels f’Malta li tkellem dwar l-operat tal-kumpannija u minn fejn topera. Fis-servizz ixxandret ukoll intervista ma’ Project Manager ta’ Parallels li matulha kompliet tingħata informazzjoni dwar prodotti oħra li din il-kumpannija toffri bħalma huma l-Parallels Toolbox u l-Parallels Access.

Skont l-akkuża fir-rokna informattiva nħolqot assoċjazzjoni evidenti bejn id-ditta Parallels u l-prodotti li din toffri (fosthom Parallels Desktop, Parallels Toolbox u Parallels Access). Barra minn hekk, il-mod kif saret il-preżentazzjoni dwar l-operat tal-kumpannija kompla jsaħħaħ il-kontenut reklamatorju għall-istess kumpannija u dan bi ksur tal-Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Federica Caruana f’isem il-produtturi tal-programm.

Minn naħa tiegħu is-Sur Micallef qal li l-programm tratta software partikolari li mhux intenzjonat għas-suq lokali iżda huwa prodott innovattiv għas-swieq internazzjonali. Żied li dan kien il-ħsieb wara l-programm u ċioe li jippreżenta innovazzjoni fit-teknoloġija – prodotti ta’ kwalità għolja u user friendly oriġinati u żviluppati minn Web Developers f’Malta.

Ms Federica Caruana qalet li l-assoċjazzjoni saret biex tispjega u ssir enfasi fuq il-fatt li dan il-prodott jiġi żviluppat Malta. Żiedet li dan is-slot ma kienx sponsored iżda l-kumpannija ingħatat ħajr fl-aħħar tal-programm f’forma ta’ credit u dan talli tat l-opportunita’ u aċċess lill-produtturi jagħmlu l-feature.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet u qablet li timponi l-penali relattiva abbinata ma dan l-istess ksur ta’ elfejn tliet mija u tletin Euro (€2330) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

Illum 21 ta’ Lulju, 2017