L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm Gadgets li xxandar fl-4 ta’ Ġunju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt din l-edizzjoni kien innutat illi l-ewwel servizz (drop test ta’ żewġ mobiles) kif ukoll it-tieni servizz (iBallz, prodott li jservi ta’ protezzjoni għat-tablets), anke jekk fi tmiem is-servizz il-preżentatriċi tkellmet dwar il-bżonn ta’ protezzjoni għall-mobiles, kienu separati minn sensiela ta’ reklami li kienet tinkludi reklam ta’ Vodafone li fih sar aċċenn partikolari fuq il-covers tal-mobiles. Dan ir-reklam b’hekk ħoloq assoċjazzjoni evidenti bejn iż-żewġ irkejjen u l-covers li jinbiegħu mingħand Vodafone.
L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv), lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, u lil Ms Martina Zammit f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju, 2015. Minn naħa tagħha Ms Zammit ikkontendiet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni li jkun hemm konnessjoni jew assoċjazzjoni bejn l-irkejjen indikati fl-akkuża u r-reklam ta’ Vodafone. Żiedet li l-kummenti tagħha dwar il-ħtieġa ta’ protezzjoni kienu ġeneriċi u ma kienux jirreferu b’mod esklussiv għall-mobile phones.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ma setgħatx taċċetta t-teżi tal-produzzjoni li r-riferenza ta’ protezzjoni kienet waħda ġenerika u għalhekk qablet li l-assoċjazzjoni bejn il-kontenut tas-servizzi u r-reklam kienet evidenti u għaldaqstant l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 23 ta’ Lulju, 2015