Ilment minn Imperium Europa
L-Awtorità kellha quddiemha lment mingħand Imperium Europa datat 21 ta’ Mejju 2014 rigward il-programm Għandi Xi Ngħid ta’ dakinhar stess. Imperium Europa lmenta għall-fatt li l-parti allokata għall-istess kienet se tiġi rrekordjata minn qabel, kontrarjament għal dak li kien qed isir ma’ ħaddieħor, liema aġir kien meqjus diskriminatorju.
L-Awtorità semgħet dan l-ilment f’seduta li nżammet illum u li għaliha kienu preżenti s-Sur Adriano Spiteri u Arlette Baldacchino f’isem u in rappreżentanza ta’ Imperium Europa u s-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, li kien assistit mill-Avukat Mark Vassallo f’isem l-istazzjon.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, b’mod partikolari l-ammissjoni min-naħa ta’ Imperium Europa li minkejja dan it-trattament il-messaġġ tal-istess kien twassal lit-telespettaturi u li l-Liġi tax-Xandir ma tidentifikax format speċifiku li permezz tiegħu għandu jitwassal messaġġ, iddeċidiet li l-ilment ma kienx ġustifikat u l-allegazzjoni dwar diskriminazzjoni ma kinitx tissussisti. In vista ta’ dan, l-Awtorità qablet li ma tieħux passi ulterjuri dwar dan il-każ.