TVM - Gourmet Challenge - 20 ta' Jannar 2022




Deċiżjoni dwar programm Gourmet Challenge

li xxandar fuq TVM fl-20 ta’ Jannar 2022

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li nħarġet mill-Kap Eżekuttiv fil-konfront ta’ PBS Ltd fir-rigward tal-programm Gourmet Challenge tal-20 ta’ Jannar 2022 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16 K (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir kif ukoll ksur ta’ Paragrafu 3 (g) u (f) tal-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir.

 

F’dan il-programm kien hemm żewġ kokijiet Alain James Grech u Fredrick Grech ippreparaw riċetta kull wieħed waqt il-programm.  Waqt il-waqfa għar-reklami, deher reklam ta’ The Chef’s Table by Alain u li fih deher il-kok Alain James Grech jipprepara diversi platti. Barra minn hekk wieħed mill-isponsors tal-programm kien The Chef’s Table by Alain. 

 

Waqt l-istess programm f’diversi istanzi intużaw kliem bl-Ingliż u saħansitra kien hemm ukoll  konjugazzjoni tal-verbi bl-Ingliż f’forom Maltin mill-istess żewġ kokijiet.

 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u lil Saviour Balzan, produttur tal-programm Gourmet Challenge f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Mejju 2022.  Għall-PBS Ltd dehru

wkoll l-Inġ Charles Dalli, l-Editor in Chief tal-PBS, l-avukati Dr Dustin Camilleri u Dr Liona Xuereb.

 

L-Awtorità rat il-filmat relatat u analizzat dak kollu li intqal waqt is-seduta u qablet li ssib lill-istazzjon ħati li kiser Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 3 (g) u (h) tal-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir. Iżda l-Awtorità semgħet ukoll l-impenn tal-produzzjoni ta’ dan il-programm biex ikun hemm attenzjoni fir-rigward tal-użu tal-ilsien Malti saħansitra ttieħdet azzjoni wara li kienet inħarġet l-akkuża biex jiġu evitati ċirkostanzi fejn il-lingwa Maltija ma tkunx qed tintuża b’mod xieraq.  Iżda fid-dawl ta’ dak kollu li kien qed jiġri inkluż il-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li ġabet magħha l-Covid fil-preżentazzjoni ta’ dan il-programm, l-Awtorità qablet li għandu jingħata twissija rigward ir-reklam li ntuża waqt il-programm fejn fih deher l-istess kok li kien qed jippreżenta waħda mir-riċetti fil-progamm. Qablet wkoll li l-produtturi tal-programm ħadmu fuq in-notifikazzjoni li kienu ingħataw mill-Awtorità u  li għalhekk tħoss li minħabba li l-produzzjoni ħadet il-passi meħtieġa,  l-istazzjon jingħata twissija.

 

4 ta’ Lulju 2022