Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward Spots imxandra fuq TVM bl-isem ‘Gvern li Jisma’
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 5 ta’ Lulju, 2016 rigward xandir ta’ spots fuq TVM bl-isem ta’ ‘Gvern li Jisma’ li skont il-Partit Nazzjonalista dawn l-ispots kienu reklami politiċi li jmorru kontra l-Kostituzzjoni u l-Liġi tax-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Avukat Francis Zammit Dimech u lis-Sur Matthew Bonett Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Lulju, 2016.
Minn naħa tiegħu Dr Zammit Dimech ikkontenda illi filwaqt li kull Gvern setgħa jirreklama u javża laqgħat ta’ diskussjoni, fil-każ in eżami l-kontenut tal-ispots kien wieħed politikament ‘loaded’ u kien imur oltre minn avviż. Żied li minbarra li l-kontenut kien politiku kien ukoll tali li dwaru kien hemm opinjonijiet differenti u kontrastanti.
Dr Zammit Dimech qal li skont il-Kostituzzjoni, l-Awtorità għandha tiżgura li tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika filwaqt li l-Att dwar ix-Xandir, kien jipprojbixxi x-xandir ta’ reklamar politiku. Żied li in vista ta’ dan il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob rimedju fis-sens li jiġi allokat ħin identiku fi spots sabiex jirrispondi u jippreżenta l-veduti tiegħu dwar l-oqsma trattati fl-imsemmija spots.
Dr Mark Vassallo ikkontenda illi dawn l-ispots ma kienux prodotti mill-istazzjon u l-kontenut ma kienx wieħed li l-istazzjon kellu kontroll fuqu. Żied li in oltre dawn l-ispots kienu ilhom jixxandru u spots simili kienu xxandru ukoll taħt amministrazzjonijiet oħra.
Dr Vassallo qal li f’dan il-każ bħal f’każi oħra l-Awtorità kellha l-kompitu li tiddeċiedi jekk il-kontenut tal-ispots kienx jippromwovi attività ta’ diskussjoni dwar tema partikolari kif tippermetti l-liġi jew jekk kienx jikkostitwixxi evidentement reklamar politiku. In oltre kien importanti li wieħed jagħmel distinzjoni bejn Gvern u Partit.
Dr Vassallo qal li dawn l-ispots kienu bi ħlas u kienu xxandru wkoll fuq Net TV u għaldaqstant dan il-fatt kien jindika li għal Net TV dawn ma kienux jippreżentaw propoganda għall-Gvern. In oltre mhux l-ispots kollha kellhom l-istess kontenut u wara li jsir statement isir appell għal min irid jattendi għad-diskussjoni.
F’dan l-istadju Dr Vassallo qal li l-Awtorità kellha tara u tintroduċi metodu kif fil-futur dawn l-ispots kellhom jiġu regolati.
Dr Zammit Dimech qal li wieħed ma setgħax jgħid li l-PBS ma kienx responsabbli għax finalment l-obbligu jaqa’ fuq min ixandar. Żied li l-fatt li l-ispots ilhom jixxandru ma kienx rilevanti għall-każ, aktar u aktar meta wieħed iqis li d-doża ta’ politika kompliet tiżdied progressivament maż-żmien u l-avviż għal attivita’ inbidel f’kontenut kontroversjali.
Dr Zammit Dimech qal li f’dan il-każ il-Gvern ħass li għandu jirreklama dak li qed iwettaq pero l-Oppożizzjoni għandha fehma differenti u għalhekk għandha tingħata spazju biex twassal proprju din il-fehma. Żied li in oltre Net TV kien enti kummerċjali u bħala tali kellu l-Aġenda tiegħu u x-xandir ta’ dawn l-ispots mill-istess stazzjon kien akkumpanjat minn programmi u kontenut ieħor kontrastanti.
Dr Zammit Dimech qal li Gvern ma kienx Partit Politiku pero meta Gvern jidħol f’kontroversja politika allura r-rimedju jingħata lill-Partit Politiku. Żied li l-aġir tal-PBS ma jistax ikun ċertifikat mill-kontenut imxandar fuq stazzjon politiku u peress li dwar it-temi trattati kien hemm opinjonijiet diverġenti, l-mument li l-PBS jiddeċiedi li jxandar l-ispots dan ried jagħti spazju lil kullhadd.
Wara li l-Awtorità kkunsidrat is-sottomissjoniijiet tal-partijiet ikkostatat is-segwenti:
L-Awtorità dejjem interpretat il-klawsola dwar reklamar politiku hekk kif riflessa fit-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir b’mod wiesa’.
Fil-każ odjern, l-Awtorità intalbet tagħti interpretazzjoni dwar tali reklami li xxandru fuq ix-xandir nazzjonali bl-isem ta’ ‘Gvern Li Jisma’. Waqt is-smigħ, ġie rilevat li tali każ huwa identiku għal dak tal-2014 fejn fih l-Awtorità kienet iddeċidiet li l-kontenut tar-reklami ‘Issa Nista’ kien wieħed ta’ natura politika u dan minħabba numru sostanzjali ta’ kummenti politiċi li kien fihom u għalhekk ħasset li kien jimmerita li l-Oppożizzjoni tingħata ammont ta’ ħin sabiex tirrispondi għal tali reklamar.
L-attivita ‘Gvern Li Jisma’ ilha ssir għal dawn l-aħħar tlett snin, bil-mezzi tax-xandir ixandru reklami qosra dwar tali attivitajiet. Tul dawn is-snin, l-Awtorità qatt ma dehrilha li kellha tintervjeni fuq tali reklami għaliex dawn ġew meqjusa ta’ natura informattiva u għalhekk ma jistax isir paragun mal-każ ċitat tal-2014 dwar il-kampanja ‘Issa Nista’.
L-Awtorità wara li kkunsidrat il-kontenut kollu tar-reklami dwar l-attività ‘Gvern Li Jisma’ ikkonkludiet li tali kontenut fl-assiem tiegħu ma jikkostitwixxix reklamar politiku u għalhekk iddeċidiet li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista ma jirriżultax.
Illum id-29 ta’ Lulju, 2016