TVM - Ħbieb u Għedewwa - 29 ta’ Mejju, 2018




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
Ħbieb u Għedewwa li xxandar fid-29 ta’ Mejju, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Ħbieb u Għedewwa li xxandar fid-29 ta’ Mejju, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir, meta matul din id-drama, kien hemm xena partikolari li kienet esklussivament iddur mad-ditta Nestle u l-prodotti Dolce Gusto. Fix-xena inkwistjoni l-attriċi dehret dieħla fin-Nestle Consumer Centre issarraf pakketti tad-Dolce Gusto. Fix-xena ngħataw dettalji dwar kif taħdem l-iskema ta’ tfaddil u premjijiet li qed toffri din id-ditta. Dan kollu bl-ebda mod ma kellu x’jaqsam man-narrattiva tad-drama u għaldaqstant jitqies bħala thematic placement fejn in-narrattiva ddur mal-prodott minflok li l-prodott ikun inserit fin-narrattiva. Għaldaqstant l-inklużjoni ta’ din ix-xena flimkien mal-iffukar u t-tul jikkostitwixxu prominenza mhux dovuta u b’hekk seħħ ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u s-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u Dottor Michael Vella Haber u lil Ms Evelyn Saliba La Rosa għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018.

Minn naħa tiegħu Dr Vella Haber filwaqt li ammetta l-akkuża qal li ilu jipproduċi serje televiżivi għall-aħħar tmien snin u din kienet l-ewwel darba li resaq quddiem l-Awtorità dwar akkuża u dan għax il-produzzjoni kienet toqgħod attenta u tfittex li tirrispetta r-regoli u l-liġi. Żied li l-intenzjoni wara l-iskema għat-tfaddil ta’ pakketti tal-prodott Dolce Gusto kienet waħda karitatevoli u l-produzzjoni kienet qed tipprova tgħin din il-kampanja u ma kellha l-ebda introjtu finanzjarju.

Dr Michael Vella Haber qal li d-dar tal-produzzjoni kienet tipproduċi madwar 400 episodju fis-sena u wieħed ma setax jeskludi li xi darba ikun hemm xi nuqqas minkejja l-attenzjoni f’dan ir-rigward eżerċitata f’kull episodju.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva ta’ €1750 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum 8 t’Awwissu, 2018