L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Iżd’immamentripero! li xxandar fis-7 t’Ottubru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’; i) Artiklu 16L (1)(a) ii) Artiklu 16M (3)(a) u iii) Paragrafu 2.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja Ħtiġijiet Dwar Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar Dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir meta f’partijiet mill-programm il-preżentatur deher li jinsab ġewwa Casino b’numru ta’ slot machines warajħ, f’waqtiet oħra deher quddiem logħob ta’ roulette u l-Black Jack. Skont l-akkuża dan il-product placement ma jistax isir għax kwalunkwe reklamar ta’ Casino huwa projbit mil-Liġi. In oltre joħroġ ċar li hemm relazzjoni diretta bejn l-isponsor Oracle Casino Pasta and Grill u l-product placement tal-Casino.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjuri Reuben Zammit f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u Carlos Debattista għall-produzzjoni f’seduta li nżammet fit-12 ta’ Novembru, 2013.
Minn naħa tiegħu s-Sur Zammit ikkontenda li dan ma kienx każ ta’ sponsorship jew reklamar u li l-fatt li ngħata credit lil Casino kien sempliċiment rikonoxximent għall-fatt li dan kien offra l-faċilitajiet għall-filming minħabba li l-programm kien jitratta s-superstizzjoni u l-fortuna. Żied li f’dan il-każ ma kienx hemm arranġament ta’ ħlas versu l-istazzjon.
Minn naħa tiegħu is-Sur Debattista qal li l-credit kienet saret biss b’sens ta’ rikonoxximent.
L-Awtorità ddiskutiet dan il-każ u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, ikkonkludiet li ma setgħetx taċċetta t-teżi tal-istazzjon dwar il-fatt li dan ma kienx każ ta’ reklamar jew sponsorship. L-Awtorità qed tkun viġilanti ħafna fuq l-osservanza tal-liġi li tirregola ir-reklamar ta’ logħob tal-ażżard li qiegħda hemm biex tipproteġi lit-telespettatur u ma tistax tittolera ksur tal-provedimenti ta’ din il-liġi u għalhekk iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata. Madankollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali ksur.
18 ta’ Novembru, 2013