Deċiżjoni dwar l-ilment imressaq minn Dr Silvio DeBono, Direttur Maniġerjali ta’ IDEA Group kontra PBS Ltd fir-rigward tal-programm Illum ma’ Steph tat-12 ta’ Mejju 2020
L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Dr Silvio DeBono, Direttur Maniġerjali ta’ IDEA Group kontra PBS Limited rigward programm Illum ma’ Steph li xxandar fit-12 ta’ Mejju 2020. Dr DeBono ressaq dan il-każ quddiem l-Awtorità ai termini ta’ Artiklu 21A u 34 tal-Att dwar ix-Xandir.
Preżenti għal dan il-każ kien hemm Dr Silvio DeBono li ressaq l-istess ilment filwaqt li għall-PBS dehru l-producer tal-programm Stephanie Spiteri, il-Kap tal-Programmi Frans Lia, Reno Bugeja u Dr Mark Vassallo li deher għall-PBS.
Dr Silvio DeBono spjega li l-każ kien jitratta call for training maħruġa mill-Malta Tourism Authority (MTA) fejn ipparteċipaw f’din l-iskema numru ta’ organizazzjonijiet li jagħtu taħriġ kemm akkredidat u mhux akkredidat u kull min ipparteċipa kien qed jikkompeti biex jattira kemm jista’ jkun nies għat-taħriġ minnhom offert. Qal li l-kumpanija li jirrapreżenta kienet waħda minn dawn l-organizazzjonijiet li ukoll kien qed jaħdem sabiex jappella lin-nies interessati biex imorru għandu matul is-shop window ta’ ħamest ijiem li kienet miftuħa din l-iskema. Qal li kienet kampanja aggressiva u anke l-kumpanija tiegħu kellha tagħmel marketing aggressiv. Kien sorpiz meta kien infurmat li fuq programm tal-PBS kien hemm persuna li qed tipparteċipa miegħu f’din l-iskema. Din il-kumpanija kienet qed tagħmel reklam mhux dikjarat, f’forma ta’ intervista li kienet qed tiġi ppreżentata bħala intervista informattiva fuq l-istazzjon nazzjonali.
Dr DeBono qal li f’din l-intervista ta’ madwar għaxar minuti, ma kienx hemm indikat reklam bi ħlas u dan kien wassal għall-fatt ta’ unfair competition. Qal li m’għandu xejn kontra li ssir intervista dwar l-azjenda imma ma kellhiex tkun il-persuna li tagħti n-numru tat-telefon privat lit-telespetatturi.
Dan it-trattament inġust ma sarx miegħu biss imma mal-kumpaniji l-oħra kollha u talab lis-CEO tal-PBS biex joffri rimedju immedjat. Qal li minħabba li t-tweġiba saret jumejn wara, dan kien ifisser li kienet se tkun diffiċli li se jingħata rimedju meta is-shop window kienet se tagħlaq l-għada.
Dr DeBono qal li talab għas-smigħ tal-każ biex jikkonstata stat ta’ fatt li hemm riperkussjonijiet. Qal li biex isir reklam ta’ 10 minuti fuq l-istazzjon nazzjonali jiswa l-flus imma l-fatt li wieħed ikun żvantaġġjat huwa aktar agħar. Qal li f’din iċ-ċirkostanza u minħabba l-affarijiet kif saru l-ebda għaxar minuti mhu se jsewwu l-ħsara.
Dr Mark Vassallo f’isem il-PBS talab lil preżentatriċi u produttriċi tal-programm Stephanie Spiteri u li dwaru sar l-ilment tispjega x’ġara dakinhar. Is-Sinjura Spiteri spjegat kif ġiet imqarrqa meta ġiet avviċinata biex tagħti spazju lil Dr Beverley Cutajar u talbet biex tingħata intervista u titkellem dwar programm li jippromwovi xi korsijiet mill-MTA minħabba li ħasbet li s-Sinjura Cutajar ġejja minn NGO. Is-Sinjura Spiteri qalet li l-intervista saret mingħajr ħlas.
Qalet li kieku kienet taf b’dan kollu kienet iċċempel lill-Kap Eżekuttiv tal-MTA is-Sur Johann Buttiġieġ u titkellem direttament miegħu imma f’dak il-punt ma kinitx taf. Qalet li ħassitha mqarrqa. Qalet ukoll li għamlet żball li din ma ġabithiex għall-attenzjoni tal-PBS u setgħet iddiskutietha mal-PBS.
L-Avukat Mark Vassallo qal li meta intalab rimedju, dan kien diffiċli jew impossibli li jingħata għaliex kien hemm ħafna aktar organizazzjonijiet li kien ifisser li riedu jingħataw 10 minuti-il waħda.
Dr Silvio DeBono ċċara li dan is-smigħ kien aktar biex jiġi kkonstatat stat ta’ fatt milli biex jingħata rimedju.
Is-Sinjura Spiteri ċċarat li kif saru jafu b’dan il-każ fil-programm tal-Ħamis tal-istess ġimgħa ġie intervista is-CEO tal-MTA u ittellgħu l-ismijiet tal-providers kollha parteċipanti fdin l-iskema. Dr Vassallo qal li dan kien a damage limitation exercise.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u l-programm relatat kkonstatat is-segwenti u cioe;
Li kien hemm trattament mhux xieraq fil-konfront tal-kumpanija ta’ Dr DeBono, IDEA Group meta saret l-intervista ma’ Dr Beverley Cutajar. L-Awtorità tiddikjara li t-trattament mhux xieraq seħħ minħabba li l-istazzjon jew il-producer ma vverifikawx id-dettalji li kienu ingħataw minn Dr Beverley Cutajar qabel ma bdiet l-intervista u għalhekk l-impressjoni tal-preżentatriċi kienet li Dr Cutajar kienet tmexxi NGO meta fil-fatt kienet kumpanija kummerċjali.
L-Awtorità qalet li b’dan il-mod sar reklamar b’ingann u dan a skapitu tal-kumpanija ta’ Dr DeBono u oħrajn li kienu qed jagħtu l-istess servizz. Qalet li l-istazzjon u l-producer kellhom jimxu b’mod aktar diliġenti u akkurat u jiċċekkjaw il-fatti qabel ma jħallu mistednin jieħdu sehem fil-programm, aktar u aktar meta jidher li din il-parti tal-programm kienet informattiva.
In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-każ partikolari filwaqt li tilqa’ l-ilment għaliex kien hemm żbilanċ informattiv ta’ dawn is-servizzi li qed joffru kumpaniji kummerċjali differenti, tinnota li l-istazzjon ħa l-uniċi passi rimedjali li seta’ jieħu a tempo vergine u tiddikjara ma kienx hemm lok li tagħti rimedju ulterjuri. Madanakollu l-Awtorità twiddeb lill-istazzjon u tidderiġieh li fil-futur l-istazzjon għandu dejjem jivverifika l-informazzjoni kollha li tkun qed tasal għandu qabel tixxandar inkluż il-mistednin li jaċċettaw jew jitolbu li jkunu parti fil-programm. Din il-prassi hija essenzjali aktar u aktar f’kuntest ta’ kontenut reklamatorju.
18 ta’ Ġunju 2020