TVM - Illum ma’ Steph - 21 ta’ Marzu, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward il-programm Illum ma’ Steph li ixxandar fil-21 ta’ Marzu, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-edizzjoni tal-programm Illum ma’ Steph li xxandar fil-21 ta’ Marzu, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 3.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.22, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta f’dan il-programm il-preżentatriċi Stephanie Spiteri tkellmet dwar il-paġna facebook tal-programm u qalet li din kienet “qed tagħmlilkom l-istedina li tikkompetu magħna fil-logħba tal-Bond’s. Kulma tridu tagħmlu tidħlu fil-paġna, issibu hemmhekk ir-ritratt tal-Bond’s, għandna mistqosija, x’inhija l-offerta ta’ dan ix-xahar, l-offerta tal-Bond’s ta’ dan ix-xahar, tibagħtu r-risposti tagħkom, u kull ġimagħtejn tistgħu tirbħu żewġ imħadded mingħand Bond’s tal-Materassi e Materassi; però barra minn hekk tistgħu tidħlu fiċ-ċans li tirbħu voucher ta’ €2500”. Waqt li kienet qed titwassal din l-informazzjoni fuq l-iskrin deher ukoll ir-ritratt inkwistjoni. Minkejja li din il-kompetizzjoni kienet intiża għal fuq il-paġna facebook (bil-ħsieb tal-mistoqsija ma jkunx marbut mal-programm iżda mal-fornitur tal-premju), xorta waħda effettivament twasslet waqt il-programm. Madankollu mkien ma kienet indikata bħala “Messaġġ Promozzjonali”.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u li kien akkumpanjat minn Ms Stephanie Spiteri għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju, 2018.

Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef iddikjara li l-istazzjon ma kienx konxju li l-preżentazzjoni indikata kienet b’xi mod tikser ir-regolamenti dwar reklamar.

Ms Stephanie Spiteri qalet li kull darba li nġibdet l-attenzjoni minn naħa tal-Awtorità din dejjem fittxet li tirrettifika n-nuqqasijiet indikati madanakollu f’dan il-każ fl-ebda mument ma rrejalizzat li kienet qed tikser il-liġi. Żiedet li dan il-każ kien nuqqas minn naħa tagħha u li fil-każ in kwistjoni hija ma kellha l-ebda introjtu.

Ms Spiteri qalet li kienet tħossha responsabbli immens għal dak li kien jixxandar u f’dan il-kuntest talbet li l-Awtorità torganizza laqgħat one-on-one mal-produtturi.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon, li dan ħa l-passi neċessarji sabiex jindirizza n-nuqqas u l-fatt li din kienet l-ewwel darba li nstab ħati ta’ ksur u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tal-nuqqas. In oltre l-Awtorità rrikonoxxiet l-importanza ta’ taħriġ għall-operaturi f’dan il-qasam.

Illum id-9 ta’ Mejju, 2018