TVM - Issa Nista' - 18 t'April 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 18 t’April, 2014 rigward serje ta’ spots li kienu qed jixxandru fuq TVM bl-isem Issa Nista'

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. f’seduti li nżammu fid-29 t’April u fis-6 ta’ Mejju, 2014.

Fl-ilment tiegħu l-Partit Nazzjonalista allega li din is-serje ta’ spots kienet tikkostitwixxi propaganda u retorika politika tal-għażla tal-Gvern Laburista u dawn bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu bħala produzzjonijiet ta’ natura informattiva.  Żied li dwar is-suġġetti trattati f’dawn l-ispots kien hawn u għad hawn  kontroversja politika, u l-fatt li ma kienux qed jitwasslu lill-pubbliku l-veduti kollha dwar dawn is-suġġetti kien joħloq żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista li għaldaqstant kien qed jitlob li jingħata rimedju billi jingħata d-dritt ixandar l-istess għadd ta’ produzzjonijiet tal-għażla tiegħu biex jirrestitwixxi l-bilanċ kif rikjest mil-Liġi tax-Xandir.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-istazzjoni ikkontenda li l-prassi li jaddotta l-istazzjon fir-rigward ta’ xandir ta’ spots ta’ natura nformattiva provduti mill-Gvern jew entitajiet oħra pubbliċi baqgħet konsistenti tul dawn l-aħħar snin.  L-istazzjon ta dettalji dwar kif oriġinat il-prassi li l-Gvernijiet ixandru produzzjonijiet fuq ix-xandir nazzjonali u qal li jekk wieħed iqabbel dawn il-produzzjonijiet ma’ l-ispots li dwarhom qed isir l-ilment, wieħed setgħa jara ċerta armonija u għaldaqstant f’dan is-sens l-istazzjon ma kien jara xejn ħażin.

L-Awtorità wara li semgħet is-sottomissjonjiet u qieset fid-dettal il-kontenut tal-produzzjonijiet li dwarhom kien sar l-ilment għamlet il-konsiderazzjonijiet segwenti:

  • Huwa fatt li meta l-produzzjonijiet Issa Nista' li dwarhom sar l-ilment, jitqabblu ma’ produzzjonijiet imxandra mill-Gvern fil-passat, kemm taħt din l-Amministrazzjoni kif ukoll taħt Amministrazzjonijiet preċedenti, wieħed isib li hemm xebħ f’dak li huwa l-ammont ta’ kontenut ta’ natura politika u dan wieħed jistennieh għaliex kull pronunzjament tal-Gvern minnu nnifsu jirrifletti l-politika li jkun qed isegwi l-Gvern.   Dan wieħed jikkonstatah meta jeżamina produzzjonijiet dwar miżuri tal-Budget kemm fl-2012 kif ukoll fl-2013 u anke s-serje ta’ produzzjonjiet bħal dik imxandra fl-2012 taħt it-tema Nista'.  Il-fatt li meta xxandru l-ispots fil-kampanji fil-passat ma kien hemm l-ebda lment dwarhom ma jfissirx li kull spot b’kontenut politiku li jsir fil-futur ma jistax isir ilment dwaru.

Fl-istess ħin, l-Awtorità kkonstatat li mhux korrett li wieħed jgħid li l-kontenut kollu tal-ħames produzzjonijiet imxandra fis-serje Issa Nista’ kien ta’ natura politika għaliex partijiet sostanzjali minn dawn il-produzzjonijiet kienu fil-fatt ta’ natura informattiva.

  • Il-bilanċ u l-imparzjalita`, kif ingħad diversi drabi f’deċiżjonijiet tal-Awtorità, u kif tgħid il-Liġi dwar ix-Xandir innifisha, (LS 350.14 Para 12.4) “imparzjalità ma tfissirx li għandu jkun hemm bilanċ sempliċiment b’mod matematiku”.   Dak li jesiġu l-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Liġi tax-Xandir huwa li l-veduti kontrastanti fuq materji ta’ kontroversja politika jew industrijali, jew ta’ policy pubblika kurrenti  għandhom jitwasslu  lill-pubbliku.   Naturalment ma jkunx aċċettabbli li l-pubbliku ikun inondat b’messaġġi li jwasslu naħa waħda u fl-istess ħin jingħalqu  kompletament il-meżżi li bihom jitwasslu l-veduti kontrastanti l-oħra.  
  • Il-Liġi tgħid ukoll li bilanċ jista’ jintlaħaq fuq medda ta’ programmi.  L-Awtorità għalhekk, f’dan l-ilment li kellha quddiemha, kellha tara jekk kienx inħoloq żbilanċ permezz tax-xandir ta’ dawn il-produzzjonijiet tal-Gvern.  L-Awtorità kellha tara jekk il-veduti kontrastanti għall-partijiet minn dawn il-produzzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala kontenut ta’ natura politika twasslux lill-pubbliku biex dan ikun infurmat dwarhom.  Għalkemm ċerti aspetti msemmija fl-ispots li dwarhom sar l-ilment kienu suġġett ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon, il-mod kif ġew kommunikati ma setgħax ikollu l-istess impatt li kellu permezz ta’ l-ispot.
  • L-Awtorità trid iżżomm quddiemha f’kull deċiżjoni li tieħu li ma tkunx qed tillimita b’xi mod il-libertà tal-espressjoni, kemm minn naħa tal-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni u hija fid-dover li tieħu passi jekk jinstab li manifestament kien hemm ksur tal-provedimenti tal-Kostituzzjoni u/jew tal-Liġi tax-Xandir.  L-Awtorità żammet quddiema għajnejha l-każ li kien tela' quddiemha fl-2002 dwar produzzjonijiet mill-MIC li kienu jittrattaw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja u li dwarhom kien hemm deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell.  F’dik is-sentenza mogħtija fil-15 ta’ Jannar 2003 il-Qorti indikat b’mod ċar li "spots minkejja li bl-ebda mod ma jkunu kkunsidrati llegali xorta waħda jnisslu l-ħtieġa li fehmiet oħrajn, għal dak li jgħidu huma, jiġu mismugħa wkoll."
  • Il-Liġi tax-Xandir ma tipprojbixxix ix-xandir ta’ avviżi jew produzzjonijiet tal-Gvern,  u l-Awtorità tapprezza li l-istazzjon ħafna drabi  jsib ruħu f’diffikulta biex jiddeċiedi x’għandu jaċċetta bħala Public Service Announcement.   Minn dan il-lat tapprezza li l-istazzjon ma kellux kontroll fuq il-kontenut tal-ispots li dwahom sar l-ilment.
  • Meta qieset il-fatturi kollha, l-Awtorità iddeċiediet li l-ispots li dwarhom sar l-ilment, kellhom partijiet minnhom li kienu jikkostitwixxu kummenti dwar materja ta’ policy pubblika u kienu jittrattaw suġġetti ta’ natura kontroversjali u għalhekk kienu jimmeritaw li jiġu bilanċjati billi jitwasslu bl-istess mod il-veduti kontrastanti.
  • L-Awtorità ma tqisx li t-talba tal-Partit Nazzjonalista għall-istess għadd ta’ produzzjonijiet tal-għażla tiegħu hija ġustifikata għaliex biex jinħoloq bilanċ ma jfissirx li jkun hemm parità u kif ingħad aktar ‘l fuq imparzjalità ma tfissirx li għandu jkun hemm bilanċ sempliċiment b’mod matematiku.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità qed tilqa’ dan l-ilment u qed tordna lill-istazzjon li bħala rimedju jalloka tletin fil-mija (30%) tal-ħin li kien użat għall-ispots fil-kampanja Issa Nista'  biex il-partit  fl-Oppożizzjoni ikun jista jwassal il-veduti tiegħu  dwar is-suġġetti  ttrattati fl-ispots in kwistjoni.   Dawn l-ispots, li m'għandomx ikunu ta' durata ta' anqas minn 30 sekonda il-wieħed, iridu jiġu identifikati bħala produzzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, liema identifikazzjoni kellha tiġi approvata mill-Awtorità tax-Xandir.  Huma għandhom jittrattaw biss is-suġġetti li dwarhom kienu jitkellmu l-ispots tal-Gvern, u għandhom jibdew jiġu mxandra mhux qabel il-25 ta’ Mejju 2014  biex ma jinħoloqx żbilanċ ulterjuri waqt il-kampanja elettorali.  L-ispots allokati iridu jiġu mxandra fuq perjodu massimu ta' sitt ġimgħat.  L-iskeda tax-xandir ta' dawn l-ispots trid tkun miftehma bejn l-Awtorità, l-istazzjon u l-Partit Nazzjonalista biex ma taffettwax b'mod negattiv l-iskeda tal-programmi tal-istazzjon.

Dawn l-ispots għandhom jixxandru mill-istazzjon fuq TVM u TVM 2 mingħajr ħlas, f’ħinijiet riservati għar-reklami, u ma jiġux kalkulati bħala parti mir-regola tat-tnax il-minuta fis-siegħa għal reklamar li l-istazzjon huwa marbut biha skont l-Att dwar ix-Xandir.

Illum 21 ta’ Mejju, 2014