L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM rigward l-edizzjonijiet tal-programm Katrina tal-14 u t-28 ta’ Novembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M(4)(a) li ma jippermettix product placement ta’ prodotti ta’ tabakk jew sigarretti meta fiż-żewġ episodji jidhru żewġ xeni li fihom l-attriċi tidher tpejjep u fl-istess ħin jidher ukoll il-pakkett tas-sigarretti tad-ditta Dunhill.
L-Awtorità semgħet il-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Jannar, 2014, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża u talab skuża għal dan in-nuqqas saħaq li minkejja l-miżuri li qed jieħu l-istazzjon bl-impjieg ta’ tlett uffiċċjali b’inkarigu speċifiku li jissorveljaw il-programmi kollha qabel jiġu trasmessi, sfortunatament dan in-nuqqas ma ġiex rilevat.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-fatt li dan in-nuqqas kien ripetut u qablet li dan il-każ li jirrilgwarda l-pubbliċita ta’ sigaretti, kien każ serju li saħansitra l-Unjoni Ewropea kienet tinsisti li jkun ikkontrollat b’mod rigoruż u għalhekk l-Awtorità ma setgħetx tidher li qed tieħu każi bħal dawn b’leġġerezza.
In vista ta’ dan l-Awtorità filwaqt li qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata iddeċiediet li timponi l-penali relattiva ta’ €1,750 li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 20 ta’ Jannar, 2013