TVM - Kelma għall-Ħajja - 28 ta’ Mejju, 2011




Referendum Campaign Programmes - 28 ta' Mejju 2011

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Kelma għall-Ħajja li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kiser Direttiva tagħha marbuta mar-Referedum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, Dr Natalino Fenech u lill-Avukat Therese Commodini Cachia  li dehru għall-istazzjon u lil Fr Charles Tabone li deher għall-produzzjoni.

Fr Tabone tenna li din il-produzzjoni kienet imsawra madwar il-Liturġija tal-Knisja li kienet pre-stabbilità u li b’kumbinazzjoni dakinhar kienet titratta l-imħabba, li skont hu kienet issib il-qofol tagħha fil-familja.  Żied li tul il-programm ma saret l-ebda referenza għad-divorzju.

L-Avukat Commodini Cachia fost l-oħrajn ikkontendiet illi fiċ-ċirkostanzi l-programm ma setax ma jitrattax ‘il-familja’, madanakollu fl-ebda mument ma saret xi referenza għall-argumenti saljenti u kontroversjali marbutin mar-referendum.  Żiedet li dan il-programm kien inkluż fl-iskeda mibgħuta lill-istess Awtorità ai termini tal-istess Direttiva u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni dwaru.  L-Avukat Commodini Cachia saħqet li saħansitra f’mument partikolari bħal ma’ kien il-każ in kwistjoni, wieħed ma setax iċaħħad jew jostakola l-Kultura.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u meta għarblet ir-riferenzi li saru waqt il-programm in kwistjoni u l-kuntest li fih saru, qablet li l-akkuża kontra l-istazzjon ma kienitx tirriżulta u ma ġietx ippruvata.