Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward Konferenza tal-Aħbarijiet tal-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru u s-Supretendent tas-Saħħa li xxandret live fuq TVM fl-4 ta’ Marzu 2021.
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra TVM rigward ix-xandira diretta tal-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Prim Ministru flimkien mad-Deputat Prim Ministru u mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Din il-konferenza xxandret fl-4 ta’ Marzu, 2021 fuq TVM u li fiha tħabbru miżuri ġodda relatati mal-pandemija.
Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li f’dan l-indirizz għal diversi ħin il-Prim Ministru tkellem b’mod partiġġjan u f’kull każ uża ħin biex jitkellem fuq issues ta’ politika kurrenti u ta’ kontroversja politika. Il-Partit Nazzjonalista lmenta wkoll li wara l-konferenza tal-aħbarijiet, in-newscaster tal-PBS rrepeta l-punti ewlenin tal-istess konferenza li kienet għadha kif ixxandret.
F’seduta li nżammet fit-30 ta’ Marzu b’mod virtwali mal-Board tal-Awtorità, deher Dr Francis Żammit Dimech għall-Partit Nazzjonalista, filwaqt li għall-PBS dehru s-Sinjura Norma Saliba, Editur u Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS u Dr Ishmael Psaila in rappreżentanza tal-PBS.
Dr Francis Żammit Dimech beda s-sottomissjonijiet tiegħu u talab lill-Awtorità li jeħtieġ li tagħmel linji gwida dwar dawn il-konferenzi tal-aħbarijiet li qed isiru b’mod regolari biex tistabilixxi x’tip ta’ coverage, il-ħin li għandu jingħata lill-partiti u tara li jkun hemm tqassim ġust bejn iż-żewġ mexxejja politiċi. Dr Zammit Dimech qal li fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-4 ta’ Marzu 2021 kien hemm mhux biss spjega tal-miżuri imma wkoll battuti politiċi meta kien hemm il-mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Qal li filwaqt li l-Gvern ikollu ħin ta’ trasmissjoni live biex ixandar il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Oppożizzjoni jkollha biss sempliċiment coverage. Qal li hemm bżonn li jkun hemm akkuratezza mal-kummenti politiċi u għalhekk talab lill-Awtorità biex tara hi liema huma l-kummenti politiċi u tara li jingħata rimedju adekwat.
Għall-PBS, is-Sinjura Saliba qalet li din il-konferenza saret u xxandret fl-isfond ta’ numru rekord ta’ każijiet ġodda ta’ Covid u fil-fatt kien hemm stennija mill-pubbliku ta’ tħabbir ta’ miżuri ġodda mill-Gvern. Fir-rigward tar-referenza għall-kummenti politiċi li rrefera għalihom Dr Żammit Dimech, is-Sinjura Saliba qalet li l-PBS ma jistax ikun iwaqqaf it-trasmissjoni jekk xi ħadd jidhirlu li hemm kummenti politiċi. Qalet li wara kollox il-Prim Ministru jkun qed jiġi skrutinizzat mill-ġurnalisti li jkunu preżenti għall-konferenza.
Dr Ishmael Psaila, in rappreżentanza tal-PBS qal li ma jidhirlux li kien hemm kummenti u punti politiċi ta’ kontroversja politika waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Prim Ministru ħabbar il-miżuri relatati mal-Covid.
Wara li l-Awtorità semgħet dan il-każ u ddiskutiet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorità rat li l-konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Prim Ministru kienet titratta l-miżuri relatati mal-Covid u dan wara li ġew imħabbra numru rekord ta’ każijiet attivi bil-Covid. L-Awtorità hija tal-fehma li miżuri nazzjonali f’ċirkostanzi ta’ pandemija li affettwaw lil pajjiżna, kienu jeħtieġu li jissejħu primarjament mill-Prim Ministru. F’konferenzi tal-aħbarijiet bħal dawn l-Awtorità rat li f’ġieħ l-interess pubbliku saħansitra tħalli li jixxandru anke l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, liema mistoqsijiet għandhom idealment jitrattaw it-tema tal-konferenza tal-aħbarijiet ossia l-miżuri relatati mal-Covid. Dawn il-mistoqsijiet fihom infushom jiskrutinizzaw lill-Prim Ministru u dan huwa essenzjali f’demokrazija. L-Awtorità qalet li l-kummenti li inħassew politiċi setgħu kienu riżultat tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li l-Prim Ministru m’għandux kontroll ta’ kif isiru, u għalhekk l-Awtorità tħoss li lanqas hi ma tista’ żżomm milli jsiru l-mistoqsijiet li kienu jitrattaw ukoll il-miżuri.
L-istess kif ġara f’Mejju 2020, meta l-Prim Ministru kellu jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar il-miżuri drastiċi relatati mal-Covid, din id-darba wkoll f’din il-konferenza l-Prim Ministru reġa’ għal darb’oħra ħabbar miżuri stretti biex jagħti informazzjoni ta’ interess nazzjonali dwar x’miżuri se jkunu qed jittieħdu.
Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-każ tilqa’ dan l-ilment in parti u tagħti rimedju ta’ mhux iktar minn 5 minuti lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-format ta’ messaġġ biex jingħata spazju lill-Oppożizzjoni twieġeb. Dan il-messaġġ għandu jkun strettament marbut mal-miżuri tal-Covid li tħabbru dakinhar l-4 ta’ Marzu 2021, liema messaġġ irid jixxandar qabel l-aħbarijiet tat-8pm fuq TVM. Dan il-messaġġ irid jgħaddi għand l-Awtorità u wara l-Awtorità tgħaddih lill-PBS biex jixxandar f’data li tindika l-Awtorità.
Qabel ma jixxandar dan il-messaġġ għandu jinqara dan l-avviż:
Avviż li jrid jinqara qabel il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni
Dan il-messaġġ qed jixxandar wara li l-Awtorità tax-Xandir għażlet li tagħti rimedju biex il-Kap tal-Oppożizzjoni ikun jista’ jikkontrabatti qualsisasi kummenti politiċi li saru fil-konferenza tal-aħbarijiet imxandra fl-4 ta’ Marzu 2021.
12 ta’ April 2021