Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar rapurtaġġ tal-konferenza stampa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-25 ta’ Frar 2021
L-Awtorità kellha quddiemha ilment li tressaq mill-Partit Nazzjonalista datat 4 ta’ Marzu 2021 rigward bulettin tal-aħbarijiet tal-25 ta’ Frar u li fih kien hemm rapport dwar il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Dr Bernard Grech.
Fl-ilment il-Partit Nazzjonalista qal li l-kuntest ta’ din il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-isfond ta’ konferenza tal-aħbarijiet li xxandret live fuq TVM u li kienet indirizzata mill-Prim Ministru.
Għall-Partit Nazzjonalista deher b’mod virtwali Dr Francis Żammit Dimech u għall-PBS dehru b’mod virtwali l-Kap tal-Aħbarijiet is-Sinjura Norma Saliba u in rappreżentanza tal-PBS Dr Ishmael Psaila.
F’seduta li inżammet fit-30 ta’ Marzu Dr Żammit Dimech beda s-sottomissjonijiet tiegħu billi spjega li l-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Dr Bernard Grech fil-25 ta’ Frar kienet b’risposta għall-konferenza stampa tal-Prim Ministru li xxandret live fuq TVM fl-24 ta’ Frar 2021. Qal li t-text tar-rapurtaġġ kien fih nuqqasijiet fis-sens li intużat ċerta terminoloġija u diskors li taw lok għal imparzjalità. Qal ukoll li l-coverage ta’ din il-konferenza ma kienx adekwat aktar u aktar meta wieħed iqis li din kienet b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Prim Ministru u li xxandret live fl-intier tagħha. Dr Żammit Dimech talab lill-Awtorità biex tikkonsidra dan l-ilment fid-dawl ta’ nuqqas ta’ imparzjalità, u fl-obbligu li l-PBS għandu biex jirraporta aħbar b’oġġettività. Saħaq dwar il-ħtieġa li l-aħbar trid tirrispekkja dak li jkun sar fl-attivita.
Min-naħa tal-PBS is-Sinjura Saliba qalet li l-punti ewlenin li ssemmew minn Dr Bernard Grech fil-konferenza tal-aħbarijiet u li tqajmu wkoll waqt fis-seduta minn Dr Żammit Dimech ġew inklużi fir-rapport tal-aħbarijiet imxandar fil-25 ta’ Frar 2021. Is-Sinjura Saliba rrimarkat li kuntrarju għal dak li qal Dr Zammit Dimech, fil-ġurnata ta’ qabel ossia fl-24 ta’ Frar ma kienx hemm konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru imma konferenza mill-Kummissarju tal-Pulizija. Is-Sinjura Saliba qalet ukoll li l-punti kollha li ssemmew minn Dr Żammit Dimech kienu fil-fatt irrapurtati fir-rapport imxandar fil-25 ta’ Frar u saħansitra r-rapport żied ukoll rapurtaġġ dwar dak li qal Dr Bernard Grech f’laqgħa virtwali li kellu waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew.
Dr Ishmael Psaila in rappreżentanza tal-PBS qal l-ilment mhuwiex ċar jekk wieħed iqabbel is-sottomissjoni ta’ Dr Żammit Dimech mal-ilment mibgħut mill-Partit Nazzjonalista.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumenti relattivi kkonstatat li kien hemm diskrepanzi u nuqqasijiet fil-mod kif ġie ppreżentat l-ilment tal-Partit Nazzjonalista minħabba żbalji fid-data tal-konferenza stampa li kien qed jirreferi għaliha l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Dr Francis Zammit Dimech. Dan għaliex mill-investigazzjoni li saret il-konferenza stampa tal-Prim Ministru saret it-Tlieta 23 ta’ Frar u mhux l-Erbgħa 24 ta’ Frar kif kien indikat mill-Partit Nazzjonalista. L-uniku konferenza tal-aħbarijiet li xxandret fil-ġurnata ta’ qabel, jiġifieri l-Erbgħa 24 ta’ Frar kienet il-konferenza stampa li ta l-Kummissarju Angelo Gafa. L-Awtorità minn dak illi semgħet minn Dr Zammit Dimech ħasset li kien hemm nuqqas sostanzjali minn kif ġie argumentat l-ilment. Dan għaliex kemm fl-ilment sottomess u anke waqt is-seduta dan l-iżball ma ġiex ikkoreġut min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.
Fir-rigward tal-istil tal-kitba u l-preżentazzjoni tar-rapurtaġġ, l-Awtorità tħoss li dan l-ilment m’għandux jiġi milqugħ għaliex tħoss illi m’għandhiex tidħol fl-għażla tal-kliem u fl-istil ta’ kitba u produzzjoni li ġurnalist jista’ juża fir-rapurtaġġ tal-aħbarijiet dment li l-punti ta’ news value jiġu rrapurtati kif fil-fatt seħħ u tkun qed tingħata stampa akkurata u imparzjali tal-aħbar
12 ta’ April 2021