TVM - Leo Vegas - 2 ta' Lulju 2018




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward
ir-reklam Leo Vegas li xxandar fit-2 ta’ lulju, 2018


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward ir-reklam Leo Vegas li xxandar fit-2 ta’ Lulju, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 5.1 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.25 Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir, meta sar reklamar tal-kumpanija Leo Vegas f’ħin ipprojbit.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018 li minn naħa tiegħu ikkontenda li l-każ in kwistjoni ma kienx jirrigwarda reklam għall-kumpannija iżda avviż marbut ma opportunitajiet ta’ xogħol u mar-reklutaġġ ta’ ħaddiema mill-kumpannija u skont hu fl-ebda ħin ma kien hemm xi ksur tal-liġi.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv qablet li ma kienx hemm assoċjazzjoni bejn l-avviż u l-logħob tal-ażżard hekk kif ipprojbit u regolat fil-liġi u għahekk iddeċidiet li l-akkuża ma kinitx ġiet ippruvata.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018