Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward reklami dwar
l-Impjant il-Ġdid tal-Power Station
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 24 ta’ Settembru 2016 rigwardanti reklami fil-mezzi pubbliċi tax-xandir allegatament intiżi jirreklamaw l-impjant il-ġdid tal-gass għall-Power Station.
L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett Direttur Informazzjoni li kien akkumpanjat mill-Avukat Francis Zammit Dimech f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Zammit Dimech qal li dan kien każ klassiku fejn is-suġġett trattat fl-imsemmija reklami kien ta’ kontroversja politika u policy pubblika kurrenti. Żied li f’dan il-każ l-Awtorita’ ma kellha qatt tassumi rwol li tara min għandu raġun iżda kellha tikkonferma li kien hemm żewġ opinjonijiet ta’ policy pubblika kurrenti u li dawn kellhom jitwasslu lill-pubbliku.
Filwaqt li rrefera għall-iscript tar-reklam in kwistjoni, Dr Zammit Dimech qal li dan kien jagħti l-impressjoni li l-power station il-ġdida kienet xi bżonn assolut u qal li dwar dan kien hemm veduti differenti. Żied li fir-realta’ bl-użu tal-interconnector u l-power station tal-BWSC li tista’ tinqaleb għall-gass il-pajjiz kien ikun moqdi. Spjega li l-power station tal-Marsa kienet diġa ingħalqet u dan flimkien mat-tnaqqis tal-emmissjonijiet b’50% kien minħabba l-power station tal-BWSC u l-interconnector. Żied li r-roħs fil-kontijiet kien riżultat tal-fatt li l-pajjiż kien qed jiffranka l-miljuni ta’ Euro mir-rati baxxi tal-elettriku bl-użu tal-interconnector u in oltre l-prezz taż-żejt illum kien ta’ $40 -$50 dollaru l-barmil.
Dr Zammit Dimech qal li l-Oppożizzjoni kienet qed targumenta illi l-power station il-ġdida kienet ser tagħmel ir-roħs anqas sostenibbli u dan għax l-elettriku bl-interconnector kien qed jinxtara bi prezz orħos mill-gas, Żied li apparti s-suespost f’dan il-każ wieħed ma riedx jinsa illi ai termini tal-Att dwar ix-Xandir reklamar politiku kien ipprojbit għajr fi skemi ta’ Xandiriet organizzati mill-Awtorita’.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS Ltd qal li l-materjal in kwistjoni kien intbgħat lill-PBS Ltd mill-Gvern u għalhekk l-istess PBS Ltd m’kelliex kontrol fuq il-kontenut. Żied li madanakollu l-PBS Ltd kellha l-obbligu li tara li tiġi rispettata l-Liġi u l-Kostituzzjoni u dan kien isir permezz ta’ eżerċizzju biex ikun aċċertat jekk il-kontenut kienx propogandistiku jew informazzjoni tal-Gvern.
Dr Vassallo qal li l-liġi kienet tipprojbixxi x-xandir ta’ reklamar politiku u li skont il-PBS Ltd dan l-ispot ma kienx jikkostitwixxi reklamar politiku. Żied li minn naħa tiegħu Net TV kien qed ixandar spot tal-Electrogas dwar il-power station u jekk wieħed iqabbel iż-żewġ spots isib li dawn kienu qed jagħmlu espożizzjoni ta’ fatti mingħajr kritika għall-Gvernijiet preċedenti.
Dr Vassallo qal li l-Awtorita’ kellha tara jekk il-kontenut kienx espożizzjoni ta’ fatti u l-ispot kienx informattiv u għalhekk wieħed kellu jiddetermina jekk dan kienx kontroversjali. Żied li f’dan il-każ kien hemm sitwazzjoni li dak li kien qed jgħid il-Gvern qed jiġi kontradett mill-Oppożizzjoni u dak li kien qed jgħid il-Gvern kien informattiv u mhux kontroversja politika.
Dr Vassallo qal li kien hemm linja fina ta’ demarkazzjoni bejn reklam informattiv u propoganda u f’dan il-każ kien hemm espożizzjoni ta’ fatti u policies tal-Gvern. Żied li sakemm tingħata l-informazzjoni fuq policies ma’ setgħax ikun hemm kontroversja inkella l-Gvern ma jkunx jista’ jesprimi ruħu dwar policies.
Dr Vassallo qal li ma kienx ir-rwol tal-PBS li jistabbilixxi jekk fatt kienx korrett iżda jekk fatt jikkostitwixxix informazzjoni. Żied li ma kienx jaqbel li f’pajjiż Demokratiku l-Gvern kellu dritt biss joħroġ avviżi, il-Gvern kellu dritt iwassal informazzjoni lill-pubbliku. Dr Vassallo saħaq li kien hemm il-ħtieġa li l-Awtorita’ tippubblika linji gwida dwar l-ispots.
F’dan l-istadju Dr Francis Zammit Dimech qal li l-format ma kienx ta’ importanza għal każ in eżami u setgħa kien kwalunkwe kontenut li jorbot ma kontroversja politika u li dwaru kien hemm opinjoni differenti. Żied li fil-mument li jixxandar argument ta’ kontroversja politiku, industrijali jew ta’ policy pubblika kurrenti allura trid tinstema l-vuċi differenti tal-Oppożizzjoni. Dwar il-fatt rilevat minn Dr Vassallo li Net TV kien qed ixandar spots tal-Electrogas, Dr Zammit Dimech ippreċiża li dan ma kienx punt rilevanti madanakollu irrileva li wara x-xandir ta’ dan l-ispot l-istazzjon kien qed ixandar ukoll risposta.
Dr Zammit Dimech qal li l-informazzjoni ma kienitx limitata għall-Gvern biss u d-Dritt għall-Informazzjoni u l-Liberta tal-Espressjoni kien dritt tat-telespettatur u għalhekk il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob li jingħata rimedju permezz ta’ spots simili.
L-Awtorita’ ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li s-suġġett u l-kontenut tal-ispot in kwistjoni kien jitratta tema ta’ policy pubblika kurrenti li dwarha kien hemm veduti u argumenti diverġenti. In vista ta’ dan l-Awtorita’ ddeċidiet li l-ilment kien jissusisti u qablet li l-Partit Nazzjonalista kellu jingħata rimedju u għal dan il-għan iddiriġiet li l-Partit Nazzjonalista kellu jkun allokat għaxar minuti fi spot informattiv ta’ tletin sekonda li għandhom jixxandru fuq TVM fuq firxa ta’ sebat ijiem. L-Awtorita’ ddirġiet ukoll li l-kontenut tal-ispot kellu jitratta esklussivament u limitatament l-elementi riflessi fl-ispot tal-Gvern u għandu jiġi awtorizzat mill-istess Awtorita’ qabel dan jixxandar.
Illum 26 ta’ Ottubru, 2016