TVM - Liquorish Casting – Novembru/Diċembru 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Liquorish Casting li xxandar fis-17 u l-24 ta’ Novembru u l-1, 15 u 22 ta’ Diċembru, 2010 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 4.4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Reuben Zammit f’isem l-istazzjon u lis-Sur Warren Brimmer li deher f’isem il-produtturi, li kien assistit mill-Avukat Veronique Dalli.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li ddiskutiet ir-rapport tal-monitoring, filwaqt li rriteniet li ma kinitx kontra dan il-ġeneru ta’ programmi, madanakollu l-produtturi u l-istazzjon kellhom ikunu ferm attenti fir-rigward tal-kontenut imxandar u kif dan setgħa jinfluwenza lit-telespetturi b’mod partikolari dawk ‘l aktar vulnerabbli.    L-Awtorità żgur ma tistax taċċetta t-teżi mressqa mill-istazzjon li għax ċerti sitwazzjonijiet huma “realta’ tal-ħajja” allura m’hemm xejn ħażin li jiġu trasmessi fi programmi Reality Show.

L-Awtorità rriteniet li f’dan ir-rigward kien hemm numru ta’ sitwazzjonijiet, elenkati fir-rapport tal-monitoring, fejn inħass li l-istazzjon ma kienx sensittiv biżżejjed, b’mod partikolari irreferiet għal każ tat-tfajla li irrakkontat kif wara li ommha kienet inħakmet mid-dipressjoni din kienet ikkommettiet suwiċidju u sostniet li xi sitwazzjonijiet u xeni fil-programm kienu saħansitra jtellfu d-dekor tal-persuna.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali aġir, qablet li kellha twiddeb l-istazzjon.