TVM - Luxdesign - 23 ta’ Jannar, 2016




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Luxdesign li xxandar fit-23 ta’ Jannar, 2016 fuq TVM, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm ġie innutat li r-rokna b’informazzjoni dwar it-twapet, fejn il-preżentatur deher jitkellem ma’ Herbert Bezzina, kienet segwita eżatt minn reklam ta’ Aladdino Carpet Centre li kien miġbud eżatt fl-istess location minn fejn inġibdet ir-rokna informattiva preċedenti. Din is-sitwazzjoni ħolqot assoċjazzjoni evidenti bejn il-kontenut tar-rokna informattiva dwar it-twapet u r-reklam inkwistjoni. Aladdino Carpet Centre huwa wieħed mill-isponsors ta’ dan il-programm.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Noel Bartolo produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2016.

Minn naħa tiegħu s-Sur Micallef filwaqt li ammetta l-akkuża saħaq li dan kien żball minn naħa tal-produzzjoni.

Minn naħa tiegħu is-Sur Noel Bartolo qal li l-iżball kien riżultat tal-fatt li l-persuna inkarigata mill-iskedar tar-reklamar kienet għadha ġdida. Żied li bħala produtturi huma kienu joqgħodu ferm attenti li jsegwu r-regolament viġenti.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, minħabba t-trapass taż-żmien u l-fatt li din kienet l-ewwel okkażjoni għall-Bord il-ġdid li jisma’ u jikkonsidra ilmenti, iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

In oltre l-Awtorità saħqet fuq il-fatt li fil-futur kienet sejra tkun aktar viġilanti u esiġenti mal-istazzjonijiet sabiex ir-regolamenti eżistenti jkunu segwiti bl-aktar mod ampju u rigoruż.

Illum 7 ta’ Settembru, 2016