TVM - Manwela - 28 ta' Mejju 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd.
rigward il-programm Manwela li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Manwela li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir meta, matul din id-drama, kien hemm iffukar eċċessiv fuq pakkett taċ-ċereali Fitness (21:30:25 – 21:31:05). L-iffukar inkwistjoni evidentement mhuwiex parti mill-istorja li kienet qed tiżvolgi, u l-użu tal-prodott sar b’tali mod li tiġi murija, b’mod espliċitu, id-ditta. F’dan il-viżwal partikolari, tidher id l-attriċi tferra’ mill-pakkett taċ-ċereali Fitness, filwaqt li kien hemm iffukar sakemm l-attriċi tidher tferra’ ċ-ċereali u tpoġġieh fuq il-bank. Ix-xena inħasset barra minn lokha, saħansitra intużat u serviet biss għal reklamar tal-prodott Fitness. Għaldaqstant, l-inklużjoni taċ-ċereali Fitness b’dan il-mod jikkostitwixxi prominenza mhux dovuta u b’hekk seħħ ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u s-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u Dottor Michael Vella Haber u lil Ms Evelyn Saliba La Rosa għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-8 t’Awwissu, 2018.

Dr Michael Vella Haber filwaqt li ammetta l-akkuża iddikjara li l-produzzjoni fuq inizzjattiva tagħha impjegat żgħażugħ li kien qed jistudja l-MCAST u dan biex jakkwista l-esperjenza. Żied li din l-inizzjattiva kienet qed tħalli l-frott għax iż-żgħażugħ kien sejjer tajjeb bħala editor anke għax kien qed jiġi segwit professjonalment ‘il ħin kollu.

Dr Michael Vella Haber qal li l-każ in kwistjoni kien wieħed inċidentali u avverra ruħu minkejja l-attenzjoni eżerċitata mill-produzzjoni u kien riżultat ta’ nuqqas ta’ monitoraġġ minn naħa tal-istess produzzjoni. Huwa talab li fid-deliberazzjoni tagħha l-Awtorità kellha tieħu konjizzjoni tar-reputazzjoni tad-dar tal-produzzjoni u dan biex tistabbilixxi l-intenzjoni tal-istess.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali ridotta relattiva ta’ €1750 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.


Illum 3 ta’ Settembru, 2018