L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-programm Mhux Għal Kulħadd tas-17 ta’ Diċembru, 2009 kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta fl-imsemmi programm ġie trattat il-ktieb dwar it-tisjir Take 15.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rappreżentat mis-Sur Ray Libreri u l-produttriċi Ms Claire Agius, li minn naħa tagħhom ikkontendew illi l-intenzjoni tal-programm ma kienitx li jippromwovi din il-pubblikazzjoni iżda li ssir analiżi tal-ktieb bil-parteċipazzjoni tal-awtriċi u kwalunkwe referenza għal stabbilimenti kummerċjali kellha l-għan li tagħti ħajr lil min kien qed isostni din l-inizjattiva.
Fil-konklużjonijiet tagħha l-Awtorità ikkostatat illi ma kellha l-ebda oġġezzjoni għall-programmi ta’ din in-natura u dan sakemm l-iskop ma jkunx wieħed reklamatorju. Fil-fatt fil-każ in kwistjoni l-oġġezzjoni tal-Awtorità kienet tikkonċerna speċifikament il-parti konklussiva tal-programm fejn il-preżentatriċi irreferiet għall-istabbilimenti kummerċjali li kienu qegħdin ibiegħu din il-pubblikazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan, u fiċ-ċirkostanzi tal-każ l-Awtorità iddeċidiet li m’għandhiex tipproċedi ulterjorament.