TVM - Moħħok Hemm




Deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd minħabba żbalji fl-ortografija bil-Malti matul il-programmi ‘Moħħok Hemm’.

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra l-istazzjon pubbliku PBS Ltd.

 

Is-Sur Mark Amaira kiteb lill-PBS nhar l-10 ta’ Novembru 2023. Permezz ta’ din il-korrispondenza, hu għamel serje ta’ referenzi għall-użu tal-ortografija bil-Malti fil-mistoqsijiet li dehru fil-programm Moħħok Hemm matul l-istess ġimgħa tal-ilment.

 

L-Inġ. Charles Dalli, editor-in-chief ta’ PBS, wieġeb għal din il-korrispondenza nhar il-15 ta’ Novembru 2023 u qal li matul il-perjodu msemmi saru ‘l fuq minn elf mistoqsija u li mingħajr ma jiġġustifika l-iżbalji ċitati, kien qed jiżgura li se jieħu l-passi neċessarji biex ma jkunx hemm repetizzjoni. Kiteb ukoll li PBS qed jaħdem bla heda biex itejjeb il-livell ta’ produzzjoni li anke żdiedet fl-udjenza.

 

Is-Sur Mark Amaira ħass li din it-tweġiba mhix sodisfaċenti u għaldaqstant preżenta lment ai termini tal-L.S. 350.06.

 

Matul is-smigħ organizzat mill-Awtorità tax-Xandir fl-4 ta’ Diċembru 2023, huwa għamel referenzi għal diversi żbalji tal-Malti u saħaq li skont Art.4 tal-L.S. 350.10, stazzjon għandu jkollu konsulent tal-Malti li jkun jista’ jikkoreġi dawn it-tip ta’ mistoqsijiet.

 

Dr Shaun Zammit, konsulent legali għall-PBS Ltd, qal li l-istazzjon kien ammetta li kien hemm nuqqasijiet f’dan il-programm u li l-istazzjon kien aċċetta akkuża maħruġa fuq l-istess programm u ħallas il-multa dovuta.

 

Għalhekk l-Awtorità rravviżat li minn jedda kienet diġà ssenjalat nuqqasijiet fl-ortografija u fil-kitba tal-istess programm u perjodu u jirriżulta wkoll li l-istazzjon irrikonoxxa n-nuqqas tiegħu kemm billi ħallas il-multa mposta mill-Awtorità kif ukoll billi rrimedjaw is-sitwazzjoni wara li l-istazzjon ġie notifikat fid-9 ta’ Novembru 2023.

 

Filwaqt li l-Bord mhux jilqa’ l-ilment qed iwissi u jfakkar lill-istazzjon pubbliku fl-obbligi statutorji biex l-istazzjon jaderixxi mal-provvedimenti tal-L.S. 350.10 biex jara li l-Malti jkun miktub u mitkellem tajjeb.   

 

 

12 ta’ Dicembru 2023

Smigħ 15/2023 Numru 6

Ref: 91/23