Deċiżjoni dwar l-Ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward l-Aħbarijiet ta’ TVM tat-8.00p.m. tal-24 ta’ Settembru, 2013
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 25 ta’ Settembru 2013 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tal-24 ta’ Settembru, 2013 fejn il-Partit ilmenta
- li l-PBS naqas li jsegwi l-istorja rigwardanti l-ingaġġ tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet ma’ ażjenda tal-Gvern,
- li l-PBS ma tax l-importanza li kien jixiriqilha lill-konferenza tal-aħbarijiet mill-istess Partit dwar l-istess suġġett.
Fl-ilment tiegħu l-Partit Nazzjonalista qal li dan l-aġir minn naħa tal-istazzjon kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14.
L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina li kien qed jidher f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista li kien assistit mis-Sur David Herrera Direttur Informazzjoni u lis-Sur Reno Bugeja Manager tal-Aħbarijiet u Ġrajjiet Kurrenti li kien assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Minn naħa tiegħu Dr Aquilina ikkontenda li dwar din l-istorja, li skont hu kienet waħda ta’ importanza, kien jidher ċar li kien hemm attitudni u trattament differenti minn naħa tal-istazzjon dwar dak li kien qed jgħid il-Gvern u dak li qalet l-Oppożizzjoni. Żied li l-istazzjon qagħad jistenna li l-Partit isemmi l-każ biex jirraportaha meta kellu d-dmir li storja bħal din li fuqha kien qed jitkellem kulħadd kellha tiġi rraportata u segwita mill-istazzjon tax-xandir pubbliku. Dr Aquilina qal li minbarra dan, il-mod kif sar ir-rapport ta’ konferenza tal-aħabarijiet kien intiż li jnaqqas l-importanza tal-istess konferenza peress li din ixxandret wara stejjer oħra ta’ inqas importanza u l-istazzjon għażel li jxandar fl-istess rapport stqarrijiet tal-Malta Enterprise, u tal-Partit Laburista u kif ukoll ir-rejazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi. Huwa kkontenda li r-rapport kien uża kliem li jiddilwixxi l-importanza tal-kontenut ta’ dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista. Żied li dan ir-rapport kien imur kontra l-provediment 4.8 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 dwar kif kellha tixxandar aħbar.
Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li Dr Aquilina ma kienx korrett meta qal li l-PBS naqas li jxandar din l-aħbar u dan peress li l-istazzjon kien xandar din l-aħbar fil-21 u t-22 ta’ Settembru bħala parti mir-rapport dwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt il-Mass Meeting marbut mal-Indipendenza. Dwar l-ordni li fiha xxandar ir-rapport dwar il-konferenza tal-Aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, s-Sur Bugeja qal d-deċiżjoni dwar dan tispetta lill-editur u tali deċiżjoni tkun marbuta fuq il-valur tal-istess aħbar. Żied li fl-istess bulettin kien hemm saħansitra aħbarijiet konnessi mal-Gvern li xxandru wara r-rapport in kwistjoni. Barra minn hekk huwa ċaħad li ntuża xi kliem fir-rapport li seta jiġi ntrepretat li kien intiż biex inaqqas mill-importanza ta’ dak li ntqal u semma’ istanzi fir-rapport biex jikkonferma dan.
Is-Sur Bugeja qal li l-policy tal-kamra tal-aħbarijiet kienet li tirrapporta biss il-fatti. Żied li fl-istess waqt dwar aħbarijiet ta’ dan it-tip ma kienitx il-policy li l-kamra tal-aħbarijiet tieħu hi minn rajha l-inizzjattiva, iżda li tistenna li tali aħbar tkun attribwibbli lil sors. Huwa semma’ każi oħra fejn il-kamra tal-aħbarijiet imxiet ma’ din il- policy u wkoll ma rrapurtatx każi li kienu jikkonċernaw lill-membri tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Mark Vassallo qal li l-interpretazzjoni tal-provvediment fil-Leġislazzjoni Sussidjara 350.14 bl-ebda mod ma jeskludi li aħbar jista’ jkollha opinjonijiet ta’ terzi.
Dr Karol Aquilina saħaq li meta wieħed iħares lejn ir-rapport fl-assjem tiegħu jidher ċar li l-PBS mar oltre biex jaġevola lill-Gvern u kien hemm attitudni differenti mill-PBS bejn kif jirrappurta lill-Partit Nazzjonalista u kif jirrapporta l-Gvern.
L-Awtorità wara li qieset is-sottomissjonjiet taż-żewġ partijiet ikkonkludiet li:
- Huwa fatt li l-ewwel darba li l-PBS xandar l-istorja dwar l-impjieg tas-Sinjura Sai Mizzi kien wara li l-fatt issemma’ mill-Partit Nazzjonalista waqt il-Mass Meeting tal-Indipendenza u dak li ntqal mil-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien inkuż fl-aħbarijiet tal-PBS nhar il-21 ta’ Settembru u 22 ta’ Settembru.
- Rigward l-ilment tal-Partit Nazzjonalista li l-PBS kien fid-dover li jinvestiga u jxandar din l-aħbar min jeddhu u mhux jistenna l-Partit Nazzjonalista biex isemmi l-każ imbagħad jirraportah, l-Awtorità aċċettat ir-raġuni li ġab l-istazzjon fis-sens li ma kienitx il-“policy” tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS tieħu hi min rajha l-inizjattiva, iżda li tistenna li tali aħbar tkun attrwibbli lil sors. Ġie aċċertat li f’każi oħra l-istazzjon mexa bl-istess mod u għalhekk l-Awtorità ma tħoss li kellha tidhol fil-mertu ta’ din il-“policy” editorjali.
- Dwar ir-rapportaġġ tal-Konferenza Stampa mogħtija mill-Partit Nazzjonalista dwar l-istess suġġett u li ġiet irraportata fil-bulletini tal-aħbarijiet tal-PBS nhar il-24 ta’ Settembru 2013, l-Awtorità rat fid-dettal kif ġew rapportati il-Konferenza Stampa, l-istqarrija tal-Malta Enterprise, l-istqarrija tal-Partit Laburista u l-kumment tal-Ministru Konrad Mizzi, l-Awtorità tħoss li dak li ntqal fil-Konferenza Stampa mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista ġie rrapportat fedelment u estensivament u m’hemmx dubbju li kien l-aktar parti prominenti tas-servizz fil-bulletin tal-aħbarijiet in kwistjoni. L-istazzjon ma setgħax ma jirraportax ir-rejazzjonijiet tal-partijiet l-oħra ġaladarba kellhom valur ta’ aħbar, u għalhekk ma tħossx li dawn ġew inkużi mill-istazzjon biex inaqqsu mill-importanza ta’ dak li ntqal waqt il-Konferenza Stampa tal-PN.
- Dwar l-ordni li fiha xxandar ir-rapport, l-Awtorità, fil-passat, dejjem irritjeniet li din hija responsabbiltà editorjali u hi tidħol biss f’każi fejn manifestament ikun sar abbuż. Meta qieset l-aħbarijiet kollha li kienu nklużi fil-bullettin tal-aħbarijiet tal-24 ta’ Settembru ma kienx jidher li kien hemm tali abbuż għax fil-fatt is-servizz dwar il-Konferenza Stampa tal-PN kien ixxandar f’nofs il-bullettin u wara li ixxandru servizzi oħra li jirrigwardaw attivitajiet tal-Gvern, u għalhekk ma setgħatx issb li l-istazzjon kiser xi provvedimenti tal-liġi.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità sabet li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-każ ma kienx ġustifkat u għalhekk ma kienx hemm lok ta’ azzjoni ulterjuri dwar dan.
Illum 20 ta’ Novembru, 2013