Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward TVM News tal-11 t’April, 2016
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 15 t’April 2016 rigward TVM News tal-11 t’April, 2016 fejn il-Partit allega nuqqas minn naħa tal-istazzjon wara li dan ma rrappurtax dikjarazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Alfred Sant fuq facebook, dwar l-iskandlu tal-kumpanniji sigrieta fil-Panama, f’liema dikjarazzjoni Dr Alfred Sant qal li l-Ministru Konrad Mizzi kellu jirriżenja.
L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett Direttur Informazzjoni li kien akkumpanjat mill-Avukat Matthew Paris f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet il-Ħamis 21 ta’ Lulju, 2016.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Matthew Paris qal li Dr Alfred Sant kien eks Prim Ministru u personalita’ ta’ statura politika sinjifikanti u f’dan il-każ esponent importanti tal-Partit Laburista kien qed jagħmel dikjarazzjoni serja fil-konfront ta’ Ministru u għalhekk il-PBS kellu jirrapurtaha. Żied li in oltre kien fatt kurjuż kif fir-risposta tiegħu għall-ilment il-PBS ma ċċitax id-diskrezzjoni tal-Editur iżda ikkontenda li l-istazzjon ma kienx jirrapporta kummenti fuq facebook u dan b’konsistenza mal-linja editorjali tiegħu.
Dr Paris qal li f’dan il-każ il-Partit ma kienx qed jilmenta fuq żbilanċ iżda fuq il-fatt li in vista tan-natura tad-dikjarazzjoni u kif ukoll l-istatura ta’ Dr Alfred Sant, l-istazzjon kellu jirrapporta. Żied li l-pubbliku kellu jkun infurmat b’kumment dwar rappreżentant tal-poplu fil-bankijiet tal-Gvern. F’dan l-istadju Dr Paris irrefera għal lista ta’ rapporti li l-istazzjon kien xandar fil-bulettini tiegħu wara li ħa spunt minn paġni fuq facebook, liema aġir skond Dr Paris kien juri l-inkonsistenza tal-istazzjon.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li l-linja editorjali kienet fir-responsabbilta’ tal-Editur u kien ħażin li dan id-dritt jiġi mittiefes. Żied li l-policy tal-istazzjon kienet li kummenti/opinjonijiet fuq facebook ta’ natura kontroversjali ma jiġux rappurtati. Żied li għajr għal każ wieħed il-lista ppreżentata mill-Partit Nazzjonalista kienet tikkonferma dan.
Dr Vassallo qal li f’dan il-każ l-Awtorità kellha tgħaddi messaġġ li hi mhix ser tiddisturba d-diskrezzjoni editorjali. Żied li kien minnhu li l-istazzjon kellu policy li ma jirrapurtax kummenti u opinjonijiet ta’ natura kontroversjali li jidhru fuq facebook madanakollu din il-policy ma kienitx assoluta u dan kien jiddependi ħafna fuq il-valur tal-aħbar u kien hemm istanzi meta jkun neċessarju li wieħed jiddipartixxi mill-istess policy u dan fl-ambitu tad-diskrezzjoni tal-editur li skont hu f’dawn il-każi ma kienitx qed tingħata l-importanza li jixirqilha.
Wara li semgħet il-partijiet, l-Awtorità ikkunsidrat is-segwenti:
M’hemmx dubbju li l-każ tal-kumpannija fil-Panama kien ta’ interess pubbliku u li għandu valur t’aħbar. L-Awtorità tfakkar li fil-prinċipju huwa l-Kap tal-Aħbarijiet li għandu r-responsabbiltà u d-diskrezzjoni li jiddeċiedi dwar dak li għandu siwi ta’ aħbar. Madankollu, dan id-dritt mhux assolut u ma jfissirx li l-Awtorità ma tistax tippronunzja ruħha dwar jekk fil-fehma tagħha, materja ta’ interess pubbliku li jkollha valur t’aħbar, ma tingħatax l-importanza li jixirqilha.
M’hemm l-ebda dubbju li TVM irraporta b’mod estenżiv il-każ dwar il-kumpanniji fil-Panama. Madankollu, fil-fehma tal-Awtorità, il-fatt li Dr Alfred Sant eks Prim Ministru ta’ Malta għamel kumment dirett dwar il-każ tal-Panama u dwar Ministru tal-Gvern kien jimmerita li dan jiġi rrapurtat.
Waqt is-smigħ, l-istazzjon nazzjonali kkontenda li ma kienitx il-policy tiegħu li jxandar kummenti li jidhru fuq media soċjali. Madankollu, kif irriżulta, l-istess stazzjon ġieli ħtieġlu jiddipartixxi minn tali prassi. Il-fatt li l-kumment ta’ Dr Alfred Sant deher fuq sit soċjali bħal ma’ huwa l-Facebook, dan ma jneħħi xejn mill-valur ta’ aħbar ta’ tali kumment, aktar u aktar meta wieħed iqis li llum il-media soċjali hija daqstant importanti.
Fil-qafas ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità ssib li l-istazzjon nazzjonali naqas meta għażel li ma jirrapurtax il-kumment ta’ Dr Alfred Sant dwar il-każ tal-Panama u għalhekk tikkonkludi li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista huwa ġustifikat. Għalkemm tali nuqqas ma ħoloqx żbilanċ, l-Awtorità tħoss li tali storja kellha valur t’aħbar u li l-istazzjon nazzjonali kien fid-dmir li jirrapurtaha.
Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-Awtorità ma tħossx li għandha toffri rimedju għal dan il-każ.
Illum id-29 ta’ Lulju, 2016