Ilment tal-General Workers Union ma’ l-Awtorità tax-Xandir dwar Rappurtaġġ tal-Kamra tal-Aħbarjiet ta’ TVM
Il-General Workers Union, f’ittra datata 16 ta’ Diċembru 2008, ressqet ilment mal-Awtorità tax-Xandir dwr il-fatt li l-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM nhar is-Sibt 13 ta’ Diċembru, 2008 naqset milli tirrapporta dwar il-pubblikazzjoni ta’ ittra li ħdax-il Trade Union kienu ndirizzaw lill-Prim Ministru nhar il-Erbgħa, 10 ta’ Diċembru, 2008. Din l-ittra kienet tittratta l-kwistjoni tat-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma. Minn naħa tagħha, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM sostniet li, fl-edizzjoni tal-aħbarijiet tal-11 ta’ Diċembru, fi news item dwar l-istess suġġett, kienet ġabet sunt ta’ stqarrija li kienu ħarġu l-Unions in kwistjoni l-ġurnata ta’ qabel, liema stqarrija fil-fatt kienet tispjega fil-qosor il-kontenut tal-ittra ndirizzata lill-Prim Ministru. Għalhekk, il-Kamra tal-Aħbarijiet kienet ikkonkludiet li l-pubblikazzjoni tal-ittra fiha nnifisha ma kinitx tikkostitwixxi valur ta’ aħbar u, li kieku xandritha, din effettivament kienet tkun ripetizzjoni ta’ aħbar li kienet diġà xxandret ftit ġranet qabel.
L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment fid-dawl tal-provvedimenti ta’ artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u semgħet il-partijiet konċernati waqt seduta li saret fis-27 ta’ Jannar, 2009. Wara li evalwat il-fatti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha u r-rappreżentazzjonijiet li sarulha dwar dan il-każ u anki wara li evalwat b’mod aktar wiesgħa kif din il-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma qed tiġi rrapportata mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:
- s’issa u b’mod ġenerali, ma jidhirx li, fir-rappurtaġġ tagħha dwar din il-kwistjoni, il-Kamra tal-Aħbarijiet b’xi mod sistematiku qed tagħti trattament aktar jew inqas favorevoli lil xi waħda mill-partijiet involuti f’din il-kwistjoni.
- huwa fatt li l-istqarrija li ħarġu l-ħdax il-Union in kwistjoni fl-10 ta’ Diċembru kienet diġà ttrattat il-kontenut tal-ittra li l-Unions kienu ndirizzaw lill-Prim Ministru dakinhar stess u allura wieħed jifhem l-għaliex ċertu sezzjonijiet tal-medja, inkluż il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM, ikkonkludew li l-pubblikazzjoni tal-istess ittra ftit ġranet wara ma kienx għad baqalha valur ta’ aħbar. Fil-fatt, fil-media stampata tal-Ħadd, l-14 ta’ Diċembru, u ċjoé l-għada li l-Unions ppubblikaw l-ittra tagħhom lill-Prim Ministru, kien biss il-ġurnal ‘It-Torċa’ li rrapporta dan l-iżvilupp. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Awtorità tax-Xandir ma tħossx li għandha tikkontesta d-diskrezzjoni editorjali li użat il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM f’dan il-każ u għalhekk ukoll ma tħossx li l-ilment tal-General Workers Union huwa per se iġġustifikat.
- b’danakollu, l-Awtorità ma tistax ma tosservax li fil-bullettin tal-aħbarijiet tal-11 ta’ Diċembru 2008, u ċjoé l-għada li kemm il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-ħdax il-Union in kwistjoni kienu ħarġu stqarrijiet separati dwar ir-rizervi li kellhom dwar l-Avviż Legali li kien għadu kif ħareġ il-Gvern sabiex iġib fis-seħħ it-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma, kienet ingħatat ħafna aktar prominenza, saħansitra b’intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-UHM, lil dak li kien intqal mill-UHM milli lill-kontenut tal-istqarrija tal-ħdax il-Union in kwistjoni, u dana meta ż-żewġ stqarrijiet kienu ndirizzaw perspettivi differenti ta’ l-istess kwistjoni u għalhekk, fl-opinjoni tal-Awtorità, kien jixirqilhom trattament bl-istess prominenza.
6 ta’ Frar, 2009