TVM - News - 14 t'Awissu 2015




Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward l-Aħbarijiet ta’ TVM Imxandar nhar il-Ġimgħa tal-14 t’Awwissu, 2015

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 20 t’Awwissu 2015 fejn il-partit ikkontenda li waqt il-feature dwar l-iżvilupp tal-bini tal-power station il-ġdida, inħoloq żbilanċ għaliex l-istazzjon ġab intervista mal-Ministru Konrad Mizzi u naqas milli jippreżenta il-posizzjoni tal-opposizzjoni f’dan is-servizz, liema allegat nuqqas skont l-istess Partit Nazzjonalista kien irriżulta fi żbilanċ fil-konfront tiegħu.

L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni u l-Avukati Matthew Paris u Danika Caruana f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet nhar l-Erbgħa 9 ta’ Settembru 2015.

Dr Matthew Paris qal li l-Partit Nazzjonalista ħassu aggravat li l-istazzjon għażel li fil-feature dwar l-iżvilupp tal-bini tal-power station jinkludi kummenti politiċi u SOT mal-Ministru Konrad Mizzi mingħajr ma offra l-istess opportunità lill-kelliemi tal-Partit Nazzjonalista biex jagħti l-veduti tiegħu.

Dr Paris ikkontenda li l-partit ma kien ikollu l-ebda oġġezzjoni dwar dan il-feature li kieku kien jinkludi l-intervista mal-Project Manager Catherine Halpin biss għax dan kien informattiv. Żied li l-iżbilanċ inħoloq bil-kummenti tal-istazzjon attribwiti lill-istess Ministru Mizzi flimkien mal-SOT tiegħu u li dan is-suġġett tant kien wieħed ta’ kontroversja li l-istazzjon stess inkluda tali rimarka fis-servizz.

Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li wieħed għandu jħares lejn il-bulletin sħiħ tal-aħbarijiet u li f’dik il-ġurnata partikulari kien hemm servizz estenżiv dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li matulha ġiet diskussa il-garanzija li għamel il-Gvern lill-konsorzju li qed jibni l-power station u li dwar din il-garanzija kienet intalbet investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropeja. Qal li dan jixhed li ma kien hemm l-ebda żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista għaliex il-posizzjoni tal-partit twasslet f’dan il-bulletin tal-aħbarijiet.

Is-Sur Reno Bugeja intant qal li l-kontroversja tal-garanzija bankarja kienet diġa ġiet rrapurtata fil-jumejn ta’ qabel filwaqt li din l-istorja dwar l-iżvilupp tal-bini tal-power stationkienet inizjattiva tal-istazzjon u tat informazzjoni dwar x’kien qed iseħħ fis-sit fejn qed tinbena l-power station. Qal li l-mistoqsija li saret lill-Ministru Mizzi kienet waħda pertinenti u ma ħolqot l-ebda żbilanċ għaliex il-Ministru intalab jikkumenta dwar iż-żewġ inkjesti li għaddejjin b’rabta mal-bini tal-power station.

Wara li semgħet u ddiskutiet fid-dettal is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorità iddeċidiet kif ġej:

L-Awtorità innutat li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kien jinkludi kummenti u allegazzjonijiet ta’ natura partiġġjana li ma saret l-ebda referenza għalihom waqt is-smigħ u wisq anqas ġew sostanzjati. Fil-każ in kwistjoni l-Awtorità illimitat ruħha biss għall-featuredwar il-bini tal-power station u l-allegat aggravju li soffra l-Partit Nazzjonalista.

L-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma kienx dwar is-servizz fuq l-iżvilupp tal-bini tal-power station per se iżda għal kummenti meqjusa politiċi attribwiti lil Ministru Mizzi u l-istess SOT mal-Ministru.

L-Awtorità tax-Xandir dejjem irrikonoxiet id-dritt tal-Editur li jiddetermina l-ordni tal-istejjer f’bulettin tal-aħbarijiet, liema prassi ma kienitx qed tiġi kontestata mill-Partit Nazzjonalista.

L-Awtorità tħoss li l-feature dwar l-iżviluppi fil-bini tal-power station il-ġdida kien wieħed informattiv u ta’ interess għat-telespettaturi. Madankollu, fl-istess feature kien hemm istanzi qosra li jitqiesu li jikkostitwixxu kontroversja politika.  Saħansitra, l-istess servizz għamel riferenza għal fatt li l-proġett jinsab f’nofs kontroversja politika.

Filwaqt li l-Awtorità ħadet konjizzjoni li l-istazzjon xandar servizz dwar il-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-kelliema tal-opposizzjoni dwar il-power station, tali servizz ma jistax jitqies li ta  l-opportunità biex il-Partit Nazzjonalista jagħti l-veduti kontrastanti għal dawk il-kummenti meqjusa politiċi fil-feature dwar l-iżvilupp tal-bini tal-power station.    F’dan ir-rigward, il-Partit Nazzjonalista kien ġustifikat li jilmenta mal-istazzjon li l-veduti tiegħu dwar dak li ġie rrapurtat li ntqal mill-Ministru Mizzi la ġew mitluba u wisq anqas ixxandru.

Filwaqt li l-Awtorità tapprezza l-isforzi li qed isiru mill-istazzjon u speċifikament mill-Editur tal-istazzjon biex l-istazzjon jagħti servizz bilanċjat u mparzjali, titlob li ssir aktar attenzjoni biex istanzi bħal dawn li dwarhom sar l-ilment in kwistjoni jiġu evitati.

L-Awtorita` ma tħossx li għandha tieħu azzjoni ulterjuri f’dak li jirrigwarda rimedju, dwar l-ilment in kwistjoni.

Illum 11 ta’ Settembru 2015