Deciżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-bulettin tal-aħbarijiet li xxandru fuq TVM fis-16 ta’ Frar, 2019
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-bulettin tal-Aħbarijiet tas-16 ta’ Frar fuq TVM, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4.1.7 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15, Ħtiġijiet dwar Standard u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fuq il-Mezzi tax-Xandir meta matul dan il-bulettin ixxandar servizz li tefa’ dawl fuq il-kundizzjoni ta’ Mark Anthony Caruana, minorenni li jbati mill-kundizzjoni rari tat-Tetrasomy 18P u dan mingħajr ma sar ir-rapport tal-Appoġġ hekk kif rikjest mill-imsemmija liġi.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Reno Bugeja f’isem l-istazzjon li kien akkumpanjat minn Dr Mark Vassallo, f’seduta li nżammet fit-3 t’April, 2019.
F’dan l-istadju Dr Mark Vassallo sejjaħ lis-Sinjura Michelle Muscat bħala Chairperson tal-Fundazzjoni Marigold li minn naħa tagħha hija il-Fundatur tan-National Alliance for Rare Diseases Support.
Is-Sinjura Michelle Muscat għamlet preżentazzjoni u tkellmet fit-tul dwar l-oriġini u l-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni volontarja għal ġid ta’ dawk milquta minn xi kundizzjoni/marda rari. Żiedet li l-organizzazzjoni kienet konxja mid-diffikultajiet li dawn il-persuni u l-familjari tagħhom iħabbtu wiċċhom magħhom u għalhekk issir ħidma konsiderevoli biex dawn ir-rejaltajiet ma jibqgħux mistura.
Is-Sinjura Muscat qalet li l-viżibilta’ kienet vitali sabiex din l-Organizzazzjoni jkollha r-riżorsi neċessarji biex tkun tista’ tassisti l-każi li jkollha quddiemha. Żiedet li minn naħa tagħha l-Organizzazzjoni kienet taddotta standards internazzjonali u kienet affiljata u tipparteċipa f’konferenzi internazzjonali. Żiedet li din l-organizzazzjoni kienet timpjega professjonisti bil-għan li dawn il-każijiet jiġu trattati bis-sensittivita mistħoqqha.
Is-Sinjura Michelle Muscat qalet li l-membri kollha jkunu jridu jippreżentaw l-istorja tagħhom u dan dejjem isir bil-kunsens. Żiedet li wara li xxandar is-servizz fuq TVM kien hemm żieda fit-talbiet għal informazzjoni u fil-kuxjenza dwar dawn il-każi.
Dr Vassallo filwaqt li rrefera għall-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir) irrileva illi l-Leġislatur konxjentement għamel distinzjoni bejn l-istandards applikabbli għall-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u dawk li japplikaw għal programmi ta’ natura aktar ġenerika. Żied li dan il-każ kien jitratta servizz fl-Aħbarijiet u għalhekk l-provvediment fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 ma kienitx japplika u għalhekk il-media report ma kellux għalfejn isir. Żied li kien prinċipju rikonoxxut li l-liġi speċjali kienet tipprevali fuq dik ġenerali u l-L.S 350.14 kienet waħda speċjali.
Dr Vassallo qal li f’dan il-każ l-istazzjon mexa mal-proċedura applikabbli u jekk l-Awtorità ma kienitx taqbel ma din l-interpretazzjoni allura darb’oħra l-istazzjon jaddotta minflok il-provvediment fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15.
L-Awtorità ddiskutiet fit-tul dan il-każ u qablet li minkejja li kien jidher b’mod ċar li l-istazzjon kien ħa l-prekawzjonijiet biex l-interessi tal-minuri u l-familja jiġu mħarsa, irriżulta li l-proċedura ma ġietx osservata u għalhekk l-akkuża kienet tissussiti u f’dan il-każ iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas. In oltre l-Awtorità saħqet li fi kwalunkwe każ u fiż-żewġ dokumenti leġislattivi hawn ċitati l-ħsieb tal-leġislatur kien li jipproteġi l-minuri u nies oħra meqjusa dgħajfa/bla ħarsien xieraq mill-konsegwenzi negattivi li setgħu jirriżultaw wara li dawn jew iċ-ċirkostanzi tagħhom jiġu esposti fuq il-mezzi tax-xandir. L-Awtorita’ rrilevat li sakemm ma jkunx hemm tibdiliet fil-liġijiet viġenti hija riedet tippreċiża u tidderieġi illi salv f’każi ta’ interess pubbliku eċċezzjonali hekk kif definiti fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 l-istazzjon kellu jirrispetta u jaderixxi mal-proċedura u l-ħtieġa ta’ screening u rappurtaġġ mill-Aġenzija Appoġġ qabel kull xandira inkluż fl-Aħbarijiet.
Illum 3 ta’ Mejju, 2019