Deċiżjoni fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir wara li ma aderixxiex ma’ deċiżjoni tal-Awtorità rigward ilment ta’ Dr Jason Azzopardi
L-Awtorità tax-Xandir kellha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd fir-rigward ta’ ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir wara li l-Awtorità ħarġet deċiżjoni fl-10 ta’ Ġunju 2021 wara li semgħet l-ilment ta’ Dr Jason Azzopardi rigward item li kienet ixxandret fil-bulettin tal-aħbarijiet tas-16 ta’ Mejju 2021.
F’dik id-deċiżjoni l-Awtorità kienet talbet lill-PBS biex jinqara sunt tad-deċiżjoni li kienet ukoll f’forma ta’ dritt ta’ risposta għal Dr Jason Azzopardi li kien ressaq l-ilment. Il-PBS naqas milli jxandar dan is-sunt fil-bulettin tal-aħbarijiet tiegħu u dan seħħ bi ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir.
F’seduta li nżammet fl-uffiċji tal-Awtorità tax-Xandir fl-24 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri kif ukoll lil Dr Mark Vassallo li deher in rappreżentanza tal-PBS Ltd. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap tal-Aħbarijiet is-Sinjura Norma Saliba u Dr Ishmael Psaila li ukoll deher għall-PBS Ltd.
Dr Mark Vassallo qal li l-istazzjon se jkun qed jieħu lill-Awtorità l-Qorti minħabba li l-istazzjon iħoss li għandu jkun hemm proċess ta’ appell għal dik id-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità u minħabba wkoll li skont il-PBS, l-Awtorità qed timxi b’mod anti-kostituzzjonali bil-proċedura tagħha.
Dr Vassallo qal ukoll li d-deċiżjoni li ħarġet l-Awtorità ma kellhiex terminu ta’ żmien.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-punti li ssemmew mill-PBS u rat li d-deċiżjoni li jinqara d-dritt ta’ risposta ma kinitx ixxandret fil-bulettini tal-aħbarijiet minkejja t-trapass ta’ żmien mill-10 ta’ Ġunju. L-Awtorità dehrilha li din kellha tixxandar mingħajr ebda dewmien sakemm tali dewmien ma kienx neċessarju minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Ta’ min jinnota li lill-Awtorità ma indikawlha l-ebda ċirkostanza li seta’ jiġġustifika dan id-dewmien.
Għaldaqstant l-Awtorità ssib lill-istazzjon PBS ħati talli ma aderixxiex mad-Direttiva mogħtija lilha mill-Awtorità tax-Xandir u ddeċidiet li tinfliġġi penali lill-istazzjon. Wara li rat id-deċizjoni tagħha stess, u rat li din ma kinitx l-ewwel darba li l-PBS ma mexiex mad-Direttiva li ingħata mill-Awtorità, ddikjarat li minħabba li dan kien it-tieni ksur tal-istess dispożizzjoni, l-Artiklu 15, l-penali ta’ €4,660 tiżdied b’20% skont il-Liġi u għalhekk il-penali tammonta għal €5,592. Il-penali imposta trid titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
8 ta’ Lulju 2021