TVM - News - 18 ta' Frar 2009




Ilment mill-Partit Laburista rigward Nuqqas ta’ Rappurtaġġ mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS dwar Mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti

L-Awtorità tax-Xandir sarilha lment mill-Partit Laburista dwar il-fatt li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS naqset milli tirrapporta fil-bullettini tal-aħbarijiet tagħha dwar Mozzjoni li kien ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, nhar il-Erbgħa, 18 ta’ Frar 2009, fil-Kamra tar-Rappreżentanti dwar il-problema tal-immigrazzjoni rregolari. Fil-fatt, dakinhar u wara l-wasla matul l-istess xahar ta’ Frar ta’ numru sostanzjali ta’ immigranti irregolari, bis-saħħa ta’ Artiklu 13 tal-Istanding Orders tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ressaq mozzjoni sabiex jiġi aġġornat ix-xogħol tal-Kamra biex tkun tista’ tiġi diskussa materja urġenti ta’ importanza pubblika, u ċjoe’ l-problema tal-immigrazzjoni irregolari f’pajjiżna.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS sostniet li ma kienx deherilha li din il-Mozzjoni u d-diskussjoni li kienet saret dwarha kellhom valur ta’ aħbar biżżejjed sabiex tiġi inkluża fil-bullettin tal-aħbarijiet. Sostniet ukoll li propju xi ġranet wara kienet tellgħet servizz fl-aħbarijiet dwar il-problema tal-immigrazzjoni irregolari, meta kienet xandret kemm il-veduti tal-Oppożizzjoni kif ukoll dawk tal-Gvern. Apparti dan, id-dibattitu dwar l-imsemmija Mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien ixxandar fl-interità tiegħu u b’mod dirett fuq ir-radju, għalkemm l-istazzjon sussegwentement għamilha ċara li din ma kinitx il-ġustifikazzjoni l-għala ma kienx irrapporta dwar il-Mozzjoni fil-bullettini tal-aħbarijiet.

L-Awtorità tax-Xandir ittrattat dan l-ilment skond il-proċedura stabbilita taħt artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li tagħti lill-Awtorità "s-setgħa u d-dmir li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi ta’ smigħ jew televiżivi mxandra minn kull min jagħti servizzi ta’ xandir f’Malta".

L-Awtorità semgħet il-partijiet konċernati waqt seduta li saret nhar it-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2009, meta kienu preżenti għall-Partit Laburista, is-Sur Jason Micallef, Segretarju Ġenerali, assistit mill-Avukat Toni Abela, u għall-istazzjon, Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet, assistit mill-Avukat Andrew Borg Cardona.

Fit-trattament tagħha ta’ dan l-ilment, l-Awtorità kkunsidrat ukoll il-partijiet relevanti tal-Ħtiġijiet ta’ l-istess Awtorità dwar il-Bullettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti. Dawn il-Ħtiġijiet, fost ħwejjeġ oħra, jiddefinixxu x’għandu jikkostitwixxi valur ta’ aħbar, jgħidu ukoll li hija r-responsabbiltà tal-Kap tal-Aħbarijiet li jiddeċiedi x’jikkostitwixxi valur ta’ aħbar u jagħmluha ċara li "xandar jista’ jressaq siltiet għall-aħbarijiet dwar kull xorta ta’ suġġett li jagħżel" iżda li b’danakollu "din l-għażla hija marbuta mal-qadi tad-dmir li jiżgura s-sens tal-ħaqq u l-ħarsien tas-sewwa (fairness and respect for truth)".

Wara li evalwat l-informazzjoni kollha li kellha għad-disposizzjoni tagħha, l-Awtorità ħasset li ma setgħetx tikkonkludi li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS kien aġixxa b’xi mod abbużiv meta uża l-ġudizzju editorjali tiegħu u għalhekk ukoll l-Awtorità hija tal-opinjoni li dan ma jistax jitqis bħala każ ta’ trattament inġust.

Waqt is-seduta in kwistjoni, l-istazzjon stqarr li m’għandu l-ebda politika editorjali stabbilita dwar kif għandu jiġi ttrattat ix-xogħol tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-bullettini tal-aħbarijiet tiegħu, ħlief li dan għandu jiddependi esklussivament mid-diskrezzjoni tal-Editur dwar il-valur tal-aħbar. L-Awtorità trid tagħmilha ċara li ma tħossx li din is-sitwazzjoni hija sodisfaċenti u hija tal-opinjoni li jkun fl-interess ta’ kulħadd li tiġi stabbilita politika editorjali għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tħoss li jkun xieraq li meta titressaq mozzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti bis-saħħa tal-imsemmi Artiklu 13 tal-Istanding Orders, partikolarment meta din titressaq mill-Prim Ministru jew mill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istazzjon għandu jqis li din għandha valur ta’ aħbar u għalhekk għandha ssib postha fil-bullettini tal-aħbarijiet.

20 ta’ Marzu 2009