TVM - News - 19-20 Awwissu, 2011




Sunt tad-deċiżjoni dwar l-ilment mill-Partit Laburista dwar l-Aħbarijiet ta' TVM li xxandru fid-19 u l-20 t'Awwissu, 2011

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar aħbar u dritt ta’ risposta konċernanti ‘ir-remissjoni’ imxandra waqt il-bulettini tal-aħbarijiet fuq TVM tad-19 u l-20 t’Awwissu rispettivament, fejn kien allegat li l-mod kif kienet ġiet imxandra ir-risposta kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi sussidjarja li tirregola ix-xandir ta’ Dritt għal Risposta bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ.

Il-Partit Laburista ikkontenda li d-dritt għal risposta li xxandret fl-20 t’Awwissu kienet immanipulata fil-mod kif ġiet ippreżentata u kien allegat li kien hemm diżgwid fi ħdan il-Partit meta dan ma kienx jeżisti, u dan apparti li fir-rapport kien hemm taħlita ta’ kummenti ma’ dak li ġie rappurtat li kien qal l-Onorevoli Farrugia u li dak li ġie rrappurtat ittieħed barra mill-kuntest tiegħu.

Minn naħa l-oħra, l-Public Broadcasting Services Limited ikkontenda li l-istazzjon kien għażel li jagħmel storja riċerkata u filwaqt li silet kwotazzjoni kelma b’kelma minn diskors li kien għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia fil-Parlament, ipprova jinvestiga ukoll l-allegazzjoni tal-Gvern li fi ħdan il-partit kien hemm diżgwid dwar din il-materja.

L-istazzjon ammetta li fil-bulettin tal-20 t’Awwissu, propju waqt li kien qiegħed jinqara d-dritt għal risposta, bi żball reġa’ xxandar il-viżwal li kien juri is-silta mid-diskors ta’ l-Onorevoli Anglu Farrugia, liema inċident, skont l-istazzjon, ma kienx jirrendi r-rapport skorrett. L-istazzjon ikkontenda li f’dan il-każ id-dritt għal risposta kien diġa ingħata, kien adegwat u ma saret l-ebda interpretazzjoni żbaljata.

L-Awtorità iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li rat id-dokumentazzjoni sottomessa, il-dispożizzjonijiet fl-Avviż Legali 350.14 u l-filmat tar-rapport in kwistjoni, iddeċidiet illi TVM xandar id-dritt ta’ risposta fl-intier tiegħu. Madanakollu, l-istazzjon naqas meta xandar viżwal tal-Onorevoli Anglu Farrugia, inkluż it-test ta’ silta mid-diskors tiegħu waqt il-qari tal-istess dritt ta’ risposta, u dan fil-fehma tal-Awtorita’ jikkostitwixxi kumment li jmur kontra l-provvedimenti f’paragrafu 8.15.1(ii) tal-imsemmi Avviż Legali.

Inoltre l-Awtorita’ tirravisa li kull kumment wara d-dritt ta’ risposta għandu jkun konċiż u għandu jiġi żgurat li ma’ jintilifx l-effett tad-dritt tar-risposta.


Ilment mill-Partit Laburista dwar l-Aħbarijiet ta' TVM li xxandru fid-19 u l-20 t'Awwissu, 2011

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar aħbar u dritt ta’ risposta konċernanti ‘ir-remissjoni’ imxandra waqt il-bulettini tal-aħbarijiet fuq TVM tad-19 u l-20 t’Awwissu rispettivament, fejn kien allegat li l-mod kif kienet ġiet imxandra ir-risposta kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi sussidjarja li tirregola ix-xandir ta’ Dritt għal Risposta bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u lis-Sur Kurt Farrugia għan-nom tal-Partit Laburista, u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u l-Avukat Therese Commodini Cachia li dehru f’isem l-istazzjon f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2011.

Fl-introduzzjoni u s-sottomisjonijiet tiegħu l-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li l-Partit Laburista kien ħass li kellu jitlob dritt għal risposta dwar aħbar imxandra fid-19 t’Awwissu u li kienet titratta ir-remissjoni u dan peress li mir-rapport kif ippreżentat mill-istazzjon ingħatat l-impressjoni li dwar din it-tema kien jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn esponenti ewlenin fi ħdan il-Partit fosthom l-Avukat Anglu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat.

Żied li fir-rapport tiegħu il-PBS ħass li kellu jislet barra mill-kuntest tiegħu, parti minn diskors li l-Avukat Farrugia kien għamel fil-Parlament fi Frar tas-sena kurrenti, liema silta kienet tindika li l-Partit Laburista kien favur li r-remissjoni tkun awtomatika, u wara jxandar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-istess suġġett.

L-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li l-mod kif kien ippreżentat ir-rapport kien jindika diżgwid fi ħdan il-Partit meta dan ma kienx jeżisti, u dan apparti li fir-rapport kien hemm taħlita ta’ kummenti ma’ dak li ġie rappurtat li kien qal l-Onorevoli Farrugia u li dak li ġie rrappurtat ittieħed barra mill-kuntest tiegħu.

Żied li kien għal dan il-għan li l-Partit ħass li kellu jitlob dritt għal risposta u dan sabiex ikun jista’ jispjega l-kuntest li minnu ġiet misluta is-silta mid-diskors tal-Onorevoli Farrugia u l-fatt li ma kien hemm l-ebda diżgwid.

L-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li d-dritt għal risposta xxandar waqt il-bulettin tal-20 t’Awwissu, madanakollu fl-istess rapport l-istazzjon iddeċieda li jerġa’ jxandar mill-ġdid is-silta’ mid-diskors tal-Onorevoli Anglu Farrugia inkluż il-viżwal li kienu xxandru l-jum ta’ qabel u li kienu kontestati mill-Partit Laburista, b’dan il-mod l-effett tad-dritt għal risposta intilef.

L-Avukat Zrinzo Azzopardi irrefera għad-deċiżjoni tal-Awtorità b’konnessjoni ma’ ilment li kien ressaq quddiemha l-Membru Parlamentari Ewropew il-Professur Edward Scicluna fejn bħala parti mill-motivazzjoni tagħha l-Awtorità indikat b’mod ċar kif kellu jingħata dritt għal risposta, f’dan il-każ, skont l-Avukat Zrinzo Azzopardi l-effett tad-dritt għal risposta intilef bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ.

L-Avukat Therese Commodini Cachia issottomettiet illi dan l-ilment kellu jkun analizzat fid-dawl tal-kontroversja u battibekk li kien qam bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fl-10 t’Awwissu tas-sena kurrenti, fejn kienu saru kummenti dwar ir-remissjoni mill-Ministru Dr Carmelo Mifsud Bonnici, u d-Deputati Laburisti l-Onorevoli Dr Michael Falzon u Dr Anglu Farrugia.

Żiedet li minn dan il-PBS għażel li jagħmel storja riċerkata u filwaqt li silet kwotazzjoni kelma b’kelma minn diskors li kien għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia fil-Parlament, ipprova jinvestiga ukoll l-allegazzjoni tal-Gvern li fi ħdan il-partit kien hemm diżgwid dwar din il-materja.

L-Avukat Commodini Cachia tenniet li biex jasal għal dan, il-ġurnalist għamel numru ta’ domandi ċari lill-Partit hekk kif kien evidenzjat mill-emails sottomessi lill-Awtorità, madanakollu xi domandi baqgħu ma ġewx imwieġba.

Żiedet li inoltre l-istazzjon għamel aktar minhekk għax fil-fatt kien stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu sehem fi programm imtella’ mill-kamra tal-aħbarijiet li kellu jitratta r-remissjoni, liema stedina ma ġietx milqugħa.

L-Avukat Commodini Cachia qalet li fil-bulettin tal-20 t’Awwissu, inċidentalment propju waqt li kien qiegħed jinqara d-dritt għal risposta, bi żball reġa’ xxandar il-viżwal li kien juri is-silta mid-diskors ta’ l-Onorevoli Anglu Farrugia, liema inċident, l-Avukat Commodini Cachia tenniet, ma kienx jirrendi r-rapport skorrett.

Żiedet li f’dan il-każ id-dritt għal risposta kien diġa ingħata, kien adegwat u ma saret l-ebda interpretazzjoni żbaljata. Żiedet li din kienet storja riċerkata u ma jfissirx li ġurnalist b’xi mod ma setax jikkummenta u jgħid x’jaħseb.

L-Avukat Commodini Cachia temmet tgħid li l-ġurnalist imkien ma kien żlejali fir-riċerka u kellu d-dokumenti kollha f’idejh.

L-Awtorità iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li rat id-dokumentazzjoni sottomessa, id-dispożizzjonijiet fl-Avviż Legali 350.14 u l-filmat tar-rapport in kwistjoni, iddeċidiet illi TVM xandar id-dritt ta’ risposta fl-intier tiegħu. Madanakollu, l-istazzjon naqas meta xandar viżwal tal-Onorevoli Anglu Farrugia, inkluż it-test ta’ silta mid-diskors tiegħu, waqt il-qari tal-istess dritt ta’ risposta, u dan fil-fehma tal-Awtorita’ jikkostitwixxi kumment li jmur kontra l-provvedimenti f’paragrafu 8.15.1(ii) tal-imsemmi Avviż Legali.

Inoltre l-Awtorita’ tirravisa li kull kumment wara d-dritt ta’ risposta għandu jkun konċiż u għandu jiġi żgurat li ma’ jintilifx l-effett tad-dritt tar-risposta.