Ilment mill-Partit Nazzjonalista Dwar l-Aħbarijiet tal-PBS li xxandru nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2015 - Sunt tad-Deċizjoni
L-Awtorità tax-Xandir intalbet tiddeċiedi fuq ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas minn naħa tal-PBS li jxandar fl-aħbarijiet l-inċident li seħħ fil-Parlament nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2015.
F’seduta li nżammet nhar it-Tlieta l-1 ta’ Diċembru 2015, l-Awtorità semgħet il-partijiet involuti inkluż ix-xhieda tal-ġurnalist tal-PBS li kien inkarigat mir-rappurtaġġ tal-Parlament dakinhar li seħħ il-każ u iddeċidiet is-segwenti:
Il-ġurnalist stqarr li hu ma kienx fil-kamra tad-deputati dakinhar li seħħ il-każ għax kien qed isegwi x-xandira minn fuq il-Live Stream u ma semax dak li ntqal waqt il-battibekk. Madankollu l-Awtorità qiset ukoll li l-ġurnalist kien konxju li l-kliem iebes li uża l-iSpeaker meta daħal fil-kamra biex tkompli s-seduta juri li dan l-inċident kien aktar serju minn tas-soltu.
Filwaqt li r-rappreżentanti tal-PBS fl-ebda ħin ma sostnew li dan l-inċident ma kellux valur t’aħbar, ir-raġuni li ġab l-istazzjon li kien qed jistenna ir-ruling tal-iSpeaker biex jirrapporta l-inċident ma tissodisfax id-dover tiegħu li jirrapporta l-fatti li ġraw. L-Awtorità tqis li d-deċizjoni li ma ssir l-ebda riferenza għal dak li kien ġara fil-Parlament dakinhar, kien nuqqas serju, aktar u aktar meta fil-bulletin tat-8pm tal-Ġimgħa 20 ta’ Novembru, fi tmiem ir-rappurtaġġ dwar il-Parlament in-newcaster qal li ser ikun hemm “rapport dettaljat fl-aħbarijiet illi jmiss u fuq tvm.com.mt”.
Jirriżulta li ma kien hemm l-ebda rapport ieħor fl-aġġornamenti tal-aħbarijiet li xxandru aktar tard dakinhar u l-għada fuq TVM.
Minkejja li l-PBS irrileva li kien xandar rapport nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru dwar l-intervista tal-Kap tal-Opposizzjoni li fiha issemma’ l-inċident tal-Parlament u rrapporta wkoll ir-ruling tal-iSpeaker u l-Konferenza tal-Aħbarijiet li ingħatat mill-Kap tal-Opposizzjoni fit-23 ta’ Novembru, l-Awtorità ma tqisx li dan jissodisfa l-obbligu tal-istazzjon li jwassal lit-telespettatur l-aħbar bl-immedjatezza dovuta.
Għalhekk l-Awtorita` tilqa’ l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ immedjatezza fix-xandir ta’ din l-aħbar u ssib li l-istazzjon naqas serjament mill-obbligi tiegħu meta ddeċieda li ma jirreferix għal dan l-inċident fl-ewwel opportunità li kellu wara li sar jaf li dan seħħ.
L-Awtorita` ma tistax ukoll ma telenkax il-preokupazzjoni tagħha li l-istazzjon pubbliku ma jkollux ġurnalist preżenti fil-Parlament biex jagħti r-rapporti tiegħu, minkejja li fil-bulletini tal-Aħbarijiet regolarment tingħata l-impressjoni lit-telespettatur li l-kollegament ikun qed isir direttament mill-Parlament.
Illum 4 ta’ Diċembru, 2015
Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 25 ta’ Novembru 2015 fejn il-partit ikkontenda li l-PBS naqas milli jxandar aħbar dwar l-inċidenti li nqalaw fil-Parlament fil-konfront tad-deputata Marlene Farrugia nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru 2015.
L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni u l-Avukat Matthew Paris f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet nhar it-Tlieta l-1 ta’ Diċembru 2015.
Dr Matthew Paris qal li l-Partit Nazzjonalista ħassu aggravat li l-istazzjon għażel li ma jxandarx din l-istorja minkejja l-importanza tagħha u għalhekk ħass li l-Partit Nazzjonalista kellu jilmenta mal-Awtorità tax-Xandir minħabba dan in-nuqqas.
Dr Paris kompla li l-PBS fit-tweġiba tiegħu kien indika li dan l-inċident kellu valur t’aħbar u l-fatt li l-istazzjon naqas milli jinkludih b’mod immedjat fil-bulletini jew aġġornamenti tal-aħbarijiet kien nuqqas li wassal għall-ilment minn naħa tal-Partit Nazzjonalista.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo f’isem il-PBS talab biex l-Awtorità tisma’ x-xhieda tas-Sur Victor Agius li dakinhar kien il-persuna responsabbli mir-rappurtaġġ tal-Parlament. Is-Sur Agius fix-xhieda tiegħu qal li dakinhar hu ma kienx il-Parlament u li kien qed isegwi x’ġara permess tal-livestream tal-istess seduta.
Is-Sur Reno Bugeja intant qal li l-istazzjon bl-ebda mod ma ħeba din l-aħbar imma inkludiha fir-rappurtaġġ tad-diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni tal-Ħadd 22 ta’ Novembru waqt il-bulletin tat-8pm fuq TVM u l-għada t-Tnejn xandar ir-ruling tal-iSpeaker u l-konferenza tal-aħbarijiet imsejħa mill-istess Partit Nazzjonalista dwar dan ir-ruling.
Wara li semgħet u ddiskutiet fid-dettal is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorità iddeċidiet kif ġej:
L-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kien jittrata l-immedjatezza tar-rappurtaġġ tal-inċident li seħħ fil-Parlament waqt is-seduta tal-Ġimgħa 20 ta’ Novembru u l-Awtorità intalbet biex tiddeċiedi dwar l-allegat nuqqas minn naħa tal-PBS li ma xandarx tali aħbar.
Waqt is-smigħ tax-xhieda tal-ġurnalist li kien inkarigat mir-rappurtaġġ tal-Parlament, irriżulta li dan stqarr li ma semax il-kliem eżatt li ingħad fil-kamra fil-konfront tal-Membru Parlamentari Marlene Farrugia, minħabba li huwa ma kienx preżenti fil-Parlament imma kien qed jirraporta minn dak li ra u sema’ fuq il-Live stream.
Minkejja dan, fl-istess xhieda, ħareġ ċar li l-istazzjon ma ġabx raġuni valida li turi li l-istess ġurnalist, ma kienx jaf li kien hemm inċident li jinvolvi membru tal-Kamra. Mix-xhieda tal-ġurnalist stess, joħroġ li għalkemm ikun hemm diversi istanzi ta’ battibekki waqt is-seduti, huwa kien konxju li dakinhar l-inċident kien differenti minn tas-soltu u l-fatt li l-iSpeaker meta daħal fil-Kamra biex tkompli s-seduta uża kliem iebes fil-konfront tal-aġir tal-membri, kien biżżejjed biex juri li l-inċident kien aktar serju minn tas-soltu.
L-Awtorità tqis it-tentattiv li għamel l-istazzjon biex jindaga dwar dan l-inċident, permess tal-preżentatur tal-programm Għandi Xi Ngħid, Dr Andrew Azzopardi, bħala turija li qies dan l-inċident bħala wieħed serju u li kellu valur t’aħbar.
Waqt is-smigħ, ħareġ ukoll li r-rappreżentanti tal-PBS fl-ebda ħin ma sostnew li dan l-inċident ma kellux valur t’aħbar u r-raġuni li ġab l-istazzjon li kien qed jistenna ir-ruling tal-iSpeaker biex jirrapporta l-inċident ma tissodisfax id-dover tiegħu li jirrapporta l-fatti li ġraw. L-Awtorità hija tal-fehma li d-deċizjoni li ma ssir l-ebda riferenza għal dak li kien ġara fil-Parlament dakinhar, kien nuqqas serju aktar u aktar meta fil-bulletin tat-8pm tal-Ġimgħa 20 ta’ Novembru, fi tmiem ir-rappurtaġġ dwar il-Parlament in-newcaster qal li “rapport dettaljat fl-aħbarijiet illi jmiss u fuq tvm.com.mt”.
Minn stħarriġ li għamlet l-Awtorità jirriżulta li ma kien hemm l-ebda rapport ieħor fl-aġġornamenti tal-aħbarijiet li xxandru aktar tard dakinhar fuq TVM u anke l-għada.
Minkejja li l-istazzjon fid-difiża tiegħu issometta li kien irrefera għall-inċident meta rraporta l-intervista tal-Kap tal-Opposizzjoni nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru u meta rraporta ir-ruling tal-ISpeaker u l-Konferenza tal-Aħbarijiet li ingħatat mill-Kap tal-Opposizzjoni fit-23 ta’ Novembru, l-Awtorità ma tqisx li tali difiża tissodisfa l-obbligu tal-istazzjon li jwassal lit-telespettatur l-aħbar bl-immedjatezza dovuta.
Għalhekk l-Awtorita` tilqa’ l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ immedjatezza fix-xandir ta’ din l-aħbar u ssib li l-istazzjon naqas serjament mill-obbligi tiegħu meta ddeċieda li ma jirreferix għal dan l-inċident fl-ewwel opportunità li kellu wara li sar jaf li dan seħħ.
L-Awtorita` ma tistax ukoll ma telenkax il-preokupazzjoni tagħha li l-istazzjon pubbliku ma jkollux ġurnalist preżenti fil-Parlament biex jagħti r-rapporti tiegħu, minkejja li fil-bulletini tal-aħbarijiet regolarment tingħata l-impressjoni lit-telespettatur li l-kollegament ikun qed isir direttament mill-Parlament.
Intant, ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorità qed tidderiġi li f’każ li l-partijiet f’dan l-ilment jagħżlu li jxandru din id-deċiżjoni, għandhom jagħmlu dan billi jinqara testwalment is-sunt li hawn mehmuż ma’ din id-deċiżjoni. Għal finijiet ta’ kjarifika, dan jgħodd għall-istazzjonijiet tal-PBS (inkluż dawk tar-radju) u l-istazzjonijiet NET u Radio 101.
Illum il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru 2015