TVM – News – 24 ta’ Novembru 2010




Lment Għaqda Każin Banda San Filep AD1851

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Għaqda Każin Banda San Filep dwar dritt ta’ risposta konċernanti rapport imxandar mill-Public Broadcasting Services fl-aħbarijiet tal-24 ta’ Novembru, 2010, fejn ġie rilevat illi l-istazzjon kiser il-provvedimenti dwar Dritt ta’ Risposta, fil-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li jirregolaw il-Bulletin tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti meta dan naqas li jxandar dan dritt ta’ risposta.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Tarcisio Mifsud li kien assistit mill-Avukat Anna Mallia f’isem l-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 u lil Dr Natalino Fenech assistit minn Dr Therese Comodini Cachia għan-nom tal-istazzjon f’seduta li nżammet fis-26 t’April, 2011.

Dr Anna Mallia ikkontendiet li l-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 kienet resqet ilment kontra PBS minħabba dak li fl-opinjoni tal-istess Socjeta’ kienet informazzjoni żbaljata li giet inkluża waqt is-surriferit bulletin tal-aħbarijiet li kien jitratta rapport dwar il-150 anniversarju tal-Banda Beland taż-Żejtun. Dr Mallia sostniet li l-kumment tan-newscaster fis-sens li l-ewwel banda f’Malta kienet il-Banda De Rohan ta’ Ħaż Zebbug u t-tieni dik ta’ l-Isle Adam tar-Rabat kien kumment barra minn loku u minkejja li l-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 ġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon u saħansitra ipproduċiet l-evidenza relattiva li turi li dawn il-kummenti ma kienux korretti, TVM baqa’ jsostni li ma jxandarx id-dritt ta’ risposta.

L-istazzjon ikkontenda li l-informazzjoni mxandra mill-istazzjon waqt il-Bulletin tal-Aħbarijiet in kwistjoni kienet ġiet rilevata minn pubblikazzjoni tas-Sur Francis Galea u ma kellu l-ebda raġuni għala tali informazzjoni kienet skoretta u għalhekk ma ħassx li kien hemm lok għal dritt ta’ risposta.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li ma kienitx fil-manzjoni tagħha li tidħol fil-merti tal-każ dwar liema Socjeta’ twaqqfet l-ewwel u li d-deċiżjoni tagħha kellha tindirizza esklussivament jekk id-dritt ta’ risposta mitlub mill-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 kellux fil-fatt jixxandar mill-istazzjon jew le.

In vista tal-istess sottomissjonijiet, l-Awtorità iddeċidiet, li f’din iċ-ċirkostanza, stante li l-informazzjoni mxandra mill-istazzjon kienet rilevata minn pubblikazzjoni u li dan ma kellu l-ebda indikazzjoni li tali informazzjoni kienet skoretta, ma kienitx tħoss li l-istazzjon aġixxa kontra l-provvedimenti dwar Dritt ta’ Risposta fil-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li jirregolaw il-Bulettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’Grajjiet Kurrenti, madanakollu irriteniet opportun li tirrakomanda lill-Public Broadacasting Services Limited sabiex fil-futur tfittex li tħares is-sensittività ta’ każi bħal dawn.