TVM - News - 28 ta' Settembru 2011




Ilment mill-Partit Laburista rigward item dwar konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Onorevoli Gino Cauchi fl-Aħbarijiet ta’ PBS tat-28 ta’ Settembru, 2011

F’seduta li nżammet it-Tlieta 8 ta’ Novembru 2011 l-Awtorità semgħet ilment imressaq mill-Partit Laburista dwar aħbar rigwardanti konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Onorevoli Gino Cauchi imxandra waqt l-aħbarijiet ta’ TVM tat-28 ta’ Settembru, 2011.

L-ilment tal-Partit Laburista kien primarjament jikkonċentra fuq il-fatt li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd għażlet li tagħti aktar prominenza lill-kummenti tagħha hekk kif rifless fi stqarrija bi tweġiba, milli għall-kontenut tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Cauchi.

L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorità titratta ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS.

Il-Partit Laburista tenna li l-aġir tal-Kamra tal-Aħbarijiet u l-kummenti editorjali magħmula minnha li ngħataw prominenza fuq il-kontenut tal-istess Konferenza tal-Aħbarijiet kien jirriżulta f’rappurtaġġ inġust.

L-istazzjon ikkontenda illi l-istqarrija tiegħu kienet tirreferi għall-istatistika ippreżentata mill-Onorevoli Gino Cauchi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li kienet titratta dwar news items.

L-istazzjon żied li kien irrapporta fedelment u b’mod estensiv il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Gino Cauchi u ai termini tar-regolamenti tal-istess Awtorità u ċioe regolamenti 2.1.3, 4.1 u 8.15 tal-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, l-istazzjon seta’ jagħti l-veduti tiegħu, sakemm dawn ikunu nettament distinti u jingħarfu sew mill-kontenut tal-aħbar.

L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dispożizzjonijiet relattivi partikolarment dawk rigwardanti ‘trattament inġust’ u l-kriterju dwar x’kien jikkostitwixxi tali trattament.

L-Awtorità iddeċidiet li l-mod kif ġiet ippreżentata l-aħbar u ċioe billi l-ewwel ixxandret l-istqarrija tal-istazzjon segwita minn rapport dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Gino Cauchi ma’ kienx korrett, ġust u desiderabbli u għalhekk iddeċidiet li ab bażi ta’ Artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir l-aġir tal-istazzjon kien jikkostitwixxi trattment inġust minħabba l-mod kif ġiet ippreżentata l-aħbar, u f’dan ir-rigward l-ilment imressaq mill-Partit Laburista kien ġustifikat.