TVM - News - 3 ta' Ottubru 2011




Ilment mill-Partit Laburista rigward l-item dwar il-Ftuħ tal-Parlament fl-Aħbarijiet ta’ PBS tat-3 t’Ottubru, 2011

F’seduta li nżammet it-Tlieta 8 ta’ Novembru 2011 l-Awtorità semgħet ilment imressaq mill-Partit Laburista dwar aħbar rigwardanti il-ftuħ tal-Parlament imxandra waqt l-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Ottubru, 2011.

L-ilment tal-Partit Laburista kien jirrigwardja esklussivament ir-rapport dwar il-ftuħ tal-Parlament wara l-vaganzi tas-Sajf u proprju dwar il-fatt li fl-imsemmi rapport filwaqt li ttieħed kumment tal-Prim Ministru u l-iSpeaker, ma sarx l-istess fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorità tisma’ ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS.

Il-Partit Laburista issottometta li l-Oppożizzjoni hija parti integrali mill-Parlament u l-aġir tal-istazzjon li jħalli barra l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien jikkostitwixxi żbilanċ lampanti fil-konfront tal-Partit Laburista.

Minn naħa l-oħra l-istazzjon ikkontenda illi dan kien rappurtaġġ b’link diretta u li waqt li kien qed jagħti l-kumment tiegħu l-iSpeaker ġibed l-attenzjoni tal-ġurnalista għall-fatt li kien ser ikun hemm dikjarazzjoni Ministerjali mill-Prim Ministru. Żied li fil-bulettin tal-Aħbarijiet tat-8.00p.m. s-sessjoni tal-Parlament kienet għadha għaddejja u sa dak il-ħin kien ġie rappurtat b’mod estensiv dak li kien qal il-Prim Ministru u r-rejazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-istess stqarrija.

L-istazzjon saħaq li dan ir-rapport kien wieħed komprensiv u immedjat u fil-konfront tal-pubbliku tali rapport kien jibqa’ bilanċjat sakemm jixxandru l-veduti ta’ kulħadd.

L-istazzjon ikkontenda wkoll li fl-aħbarijiet imxandra nhar it-Tnejn 10 t’Ottubru 2011, TVM kien xandar kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-fond ta’ stabbilta’ finanzjarja u l-ftehim ta’ self lill-Greċja.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-membri, l-Awtorità kkonstatat li dwar l-ilment imressaq, il-fatt li kien hemm voice clips mal-iSpeaker u mal-Prim Ministru iżda mhux mal-Kap tal-Oppożizzjoni ma jinħassx li l-istazzjon kien inġust mal-Partit Laburista, u dan għaliex l-istazzjon irrapporta b’mod estensiv l-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni dakinhar tal-ftuħ tal-Parlament u għalhekk l-ilment tal-Partit Laburista ma kienx ġustifikat.