TVM - News - 3 u 7 ta' Awwissu




Deċiżjoni dwar l-Ilmenti mill-Partit Laburista dwar allegat Nuqqas ta’ Coverage mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM

L-Awtorità kellha quddiemha żewġ ilmenti mill-Partiti Laburista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited, wieħed dwar differenzi fil-mod kif ġew trattati żewġ attivitajiet (waħda tal-Gvern u oħra tal-Oppożizzjoni) dwar l-industrija kreattiva u l-ieħor dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ żjara li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Bord tal-Kooperattivi fejn kien għamel stqarrija dwar il-politika tal-Partit Laburista għal dan il-qasam.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u lis-Sur Kurt Farrugia għan-nom tal-Partit Laburista li kienu akkumpanjati mis-Sur Randolph Debattista, u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u l-Avukat Therese Commodini Cachia li dehru f’isem l-istazzjon f’seduta li nżammet fit-28 t’Awwissu, 2012.

Fis-sottomisjonijiet tiegħu dwar l-ewwel ilment il-Partit Laburista qal li filwaqt li fl-aħbarijiet tas-7 ta’ Awwissu ġiet irrapurtata b’mod estensiv it-tnedija ta’ dokument dwar il-kreattivita mill-Ministri Mario DeMarco u Tonio Fenech, il-PBS naqas milli jirraporta seminar bit-tema Soċjeta Kreattiva organizzat mill-Partit Laburista fit-3 ta’ Awwissu fil-bullettini tat-tmienja u l-ħdax ta’ filgħaxija. 

Żied li fl-istess każ il-PBS kien bagħat crew tiegħu għal dan is-seminar iżda naqas milli jirraporta dan l-avveniment fl-imsemmi bullettin tal-aħbarijiet tat-8.00p.m. u tal-11.00 p.m. ta’ dak in-nhar u l-anqas tal-għada.  Il-Partit Laburista qal li minħabba li t-tnedija tad-dokument dwar il-kreattivita mill-Gvern ġie rrapurtat fil-bullettin tal-aħbarijiet, filwaqt li l-attività tal-Partit Laburista bl-istess tema ma ġietx irrapurtata, inħoloq żbilanċ fil-konfront tal-Partit Laburista.

Dwar it-tieni ilment, il-Partit Laburista kkontenda li l-PBS naqas milli jirraporta ż-żjara li għamel il-Mexxej Laburista lill-Bord tal-Kooperattivi fejn il-Mexxej Laburista għamel stqarrija dwar policy tal-Partit Laburista.  Żied li, kuntrarjament, fl-istess ġurnata l-Prim Ministru żar skola privata minħabba inawgurazzjoni ta’ estensjoni ta’ din l-iskola u din iż-żjara ġiet irrapurtata fl-istess bullettin.

Il-Partit Laburista irrefera wkoll għal żjara f’lukanda li għamel il-Mexxej Laburista fis-7 ta’ Awwisu fejn għamel stqarrija wkoll dwar policy tal-Partit Laburista, liema żjara u stqarrija ma kienux ġew irrapurtati fil-bullettini ta’ TVM.

Żied li din l-esklużjoni ta’ rapporti minn naħa tal-PBS fuq perjodu qasir tindika "a system of conduct" fejn rapporti ta’ żjarat tal-Mexxej Laburista kif ukoll stqarrijiet tal-Partit Laburista ma jsibux posthom fl-aħbarijiet ta’ PBS.

Il-Partit Laburista qal li fil-korrispondenza tiegħu Dr Natalino Fenech spjega li dakinhar li l-Mexxej Laburista żar il-Bord tal-Koperattivi, kellu attività li ġiet irrapurtata fl-aħbarijiet ta’ TVM, liema attività kienet titratta l-Kungress tal-Partit Laburista u li skont Dr Fenech kellha aktar news value mill-istqarrija dwar qasam tal-kooperattivi.  Il-Partit Laburista żied li l-fatt li jkun hemm aktar minn item waħda b’news value ma jfissirx li l-istazzjon kellu jillimita ruħu u jxandar item waħda biss ad esklusjoni tal-kumplament.

Il-Partit Laburista temm jgħid li l-fatt li f’erbat ijiem b’mod ripetut u sistematiku inqatgħu barra items konnessi mal-Partit Laburista kien jikkostitwixxi żbilanċ fil-konfront tal-istess partit. 

Minn naħa tiegħu l-istazzjon ikkontenda illi r-referenza mill-Partit Laburista għall-aġir sistematiku mill-PBS kontra l-istess partit kienet diġà ġiet imressqa quddiem l-Awtorità f’okkażjoni oħra, li minn naħa tagħha kienet iddeċidiet li dan l-aġir ma kienx jissussisti.

Dwar l-ilmenti l-istazzjon qal li skont il-Partit Laburista, il-PBS kellu jirrapporta kull attività "li partit politiku jagħmel f’Malta b’tali mod li l-Aħbarijiet jiġu ridotti f’notice board". Żied li l-liġi kienet tindika li l-għażla tal-items kienet tiddependi esklussivament fuq il-valur tal-aħbar u l-fatt li crew tal-istazzjon ikun preżenti waqt attività ma kienx ifisser li awtomatikament dak l-avveniment kien ser jiġi rrappurtat.

Dwar l-ilment konness mal-laqgħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni mal-Bord tal-Kooperattivi, l-istazzjon ikkontenda illi bħala prassi l-PBS ma jirrapportax attivitajiet politiċi tal-partiti.  Żied li  l-PBS jagħmel distinzjoni bejn laqgħat uffiċċjali u laqgħat strutturati ta’ partit u xebbah il-laqgħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni mal-Bord tal-Kooperattivi mal-laqgħat tal-Prim Ministru mal-korpi kostitwiti.

Inoltre l-istazzjon ikkontenda li f’dan il-kuntest il-laqgħa mal-Bord tal-Kooperattivi ma setgħetx titqabbel mal-estensjoni ta’ skola għaliex din tal-aħħar ma kienitx aħbar dwar żjara mill-Prim Ministru, iżda l-investiment fl-edukazzjoni minn skola privata.

L-Awtorità kkonsidrat dawn l-ilmenti ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u wara li semgħet is-sottomissjonijiet verbali miż-żewġ partijiet waqt is-seduta u l-kjarifikazzjonijiet li ingħataw meta gew mitluba mill-Membri tal-Awtorità, u kkostatat illi l-Liġi Sussidjarja 350.14 Paragrafu 2.1.4. tgħid ċar li "l-Kap tal-Aħbarijiet huwa fid-dmir jiddeċiedi dwar dak li għandu siwi ta’ aħbar".  Fiż-żewġ istanzi li fuqhom kien hemm ilment jidher ċar li l-Kap tal-Aħbarijiet iddeċieda li dawn kellhom siwi ta’ aħbar minħabba li t-tnejn li huma ġew rappurtati u għalhekk l-Awtorità kellha tiddeċiedi jekk il-mod kif ġew rapportati kienx jikkostitwixxi nuqqas ta’ bilanċ jew le.

Meta eżaminat ir-rappurtaġġ tas-seminar bit-tema Soċjeta Kreattiva li matulu tkellem ukoll il-Mexxej tal-Partit Laburisti, l-Awtorità sabet li l-aħbar ixxandret l-għada tal-attività imma biss fl-aġġornamenti ta’ nofsinhar, tas-2p.m. u tal-4p.m.  Irriżulta, skont ma ntqal fis-smigħ li l-ġurnalist li kien preżenti biex jirrapporta l-attività kellu jitlaq minħabba li kienu daħlu numru ta’ immigranti irregolari u ma kienx hemm ħaddieħor li seta' jirrapporta dan l-avveniment. Kien hemm ftehim li l-istazzjon kellu jistenna l-istqarrija tal-Partit Laburista dwar l-attività in kwistjoni. Skont ma ntqal fis-smigħ, sussegwentement tali stqarrija waslet tard wisq biex tkun nkluża dakinhar stess u cjoè fit-3 t’Awwissu. L-istazzjon għazel li flok jirrapporta din l-attività l-għada fil-bullettin sħiħ tal-aħbarijiet, irraportaha biss fl-aġġornamenti fuq imsemmija. 

l-Awtorità nnutat li fis-7 ta’ Awwissu il-Gvern, permezz tal-Ministri Tonio Fenech u Dr Mario DeMarco nieda dokument għall-konsultazzjoni dwar il-Kreattivita. F’dan il-każ, ir-rappurtaġġ sar fil-bullettin tal-Aħbarijiet tat-8p.m. u fl-aġġornamenti tal-11p.m. u tal-ġurnata ta’ wara filgħodu u fl-aġġornament ta’ nofsinhar.

L-Awtorità kienet tal-fehma li l-PBS seta’ nkluda r-rapport dwar l-attività bit-tema Soċjeta Kreattiva organizzata mill-Partit Laburista fil-bullettin tat-8p.m. tal-4 t’Awwissu u minflok irraportaha biss fl-aġġornamenti ta’ matul il-jum. B’hekk irrenda ruħu ħati ta’ żbilanċ u għalhekk l-ewwel ilment tal-Partit Laburista kien ġustifikat.

L-Awtorità eżaminat ukoll l-ilment dwar iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista fl-ufficju tal-Bord tal-Kooperattivi, liema żjara l-PBS naqas li jirrapporta. L-Awtorità rat li fit-tweġiba tiegħu għal dan l-ilment l-istazzjon qal li l-veduti tal-Partit Laburista dwar il-Kooperattivi kienu ser jiġu nklużi fi storja dwar il-Kooperattivi li kienet qed titħejja. Din l-istorja fil-fatt ixxandret fil-bullettin tal-aħbarijiet tas-16 ta’ Awwissu.

L-Awtorità iddeċidiet li ġaladarba l-istazzjon ħass li kien jeżisti valur ta’ aħbar, kien nuqqas li din l-aħbar ma tixxandarx meta saret, imma tħalliet għal ġimgħa wara, u kienet inkluża permezz ta’ sentenza waħda fi storja sħiħa dwar l-istess suġġett.

L-Awtorità f’dan il-każ ukoll sabet li l-ilment dwar żbilanċ mill-PBS fil-konfront tal-Partit Laburista kien jirriżulta.  Madanakollu l-Awtorita’ ddeċidiet li ma’ kelliex tordna lill-istazzjon jagħti rimedju.

L-Awtorità ddeċidiet ukoll li ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir tordna lill-PBS jaqra is-sunt tad-deċizjoni tagħha.

3 ta’ Settembru, 2012