TVM - News - 5 ta' Diċembru 2013




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 11 ta’ Diċembru 2013 dwar allegat nuqqas minn naħa tal-istazzjon meta dan naqas li jirrapporta d-diskors tal-Ministru Edward Scicluna quddiem membri tal-Parlament Ewropew, u kif ukoll li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ma rrapurtatx ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dak li stqarr il-Ministru tal-Finanzi, liema nuqqasijiet skont l-ilment kienu jikkostitwixxu żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista u li għaldaqstant kien meħtieġ rimedju.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina, Dr Francis Zammit Dimech f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza ta’ Dr Chris Said, Segretarju Ġenerali, u s-Sur Nicholas Azzopardi mill-Uffiċju tad-Direttur tal-Informazzjoni u lil Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd.

Dr Karol Aquilina qal li waqt sessjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Diċembru, 2013 u waqt li kien qed jirrispondi domanda ta’ Membru Parlamentari Ewropew, dwar il-kwistjoni taċ-ċittadinanza, il-Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, m’ għamilx difiża għal dak li kien qed jipproponi l-Gvern, iżda qal li kien sar żball fil-mod kif din l-inizjattiva tmexxiet, kien jifhem il-preokupazzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej,  kien ser ikun hemm capping ta’ 50 applikazzjoni u li din l-inizjattiva ma kienitx miżura tal-Gvern marbuta mal-budget. Żied li in oltre mill-informazzjoni li ta l-Ministru Scicluna, kien jidher li l-flus li l-Gvern kien ser jiġbor minn din l-iskema kienu jirrappreżentaw in-nofs tas-somma li kienet ġiet inizjalment indikata. 

Dr Aquilina qal li ma kienx hemm dubbju li dawn il-punti kienu jirriflettu dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista u kienu intiżi biex iserrħu ras il-Membri Parlamentari Ewropej u li kellhom valur ta’ aħbar.  Żied li wara nofsinhar, din is-silta mill-intervent tal-Ministru Scicluna kienet qed tiġi rrappurtata b’mod estensiv fuq is-social media inkluż il-ġurnali, madankollu l-PBS iddeċieda li jiċċensura u la jxandar il-filmat bl-intervent tal-Ministru u lanqas l-istqarrija b’reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Aquilina qal li dan il-każ ma kienx wieħed ta’ oversight mill-PBS iżda tħalla barra biex dak li qal il-Ministru Scicluna u l-Partit Nazzjonalista ma jissemmew qatt.  Żied li madanakollu tlett ijiem wara, l-istazzjon irrapporta dak li ntqal mill-Prim Ministru dwar il-każ kif ukoll  dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Aquilina irrefera għad-deċiżjoni tal-Awtorità li ttieħdet is-sena li għaddiet dwar ilment tal-Partit Laburista kontra l-PBS rigwardanti r-rappurtaġġ ta’ żjara li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Bord tal-Ko-operattivi u qal li f’dan il-każ il-fatt li l-istazzjon irrapporta din l-aħbar l’għada skont l-istess Awtorità kien jikkostitwixxi żbilanċ. Żied li l-każ in eżami kien jippreżenta sitwazzjoni aktar serja peress li l-istazzjon ma kien irrapporta xejn.  Dr Aquilina saħaq li f’dan il-każ l-istazzjon arbitrarjament iddeċieda li ma jxandarx il-fatti minkejja li l-valur tal-aħbar kien jeżisti.  Żied li l-pubbliku kellu dritt ikun jaf x’qal il-Ministru tal-Finanzi u f’dan il-każ il-PBS kien ħoloq żbilanċ.

Is-Sur Reno Bugeja minn naħa tiegħu qal li l-kamra tal-aħbarijiet ma kellhiex sistema ta’ moniteraġġ biex issegwi dak kollu li jkun qed jiġi diskuss waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll fuq is-social media.  Żied li d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi fl-intier tiegħu kien twil madwar siegħa u nofs u kien biss l-għada li huwa kellu l-opportunità li jarah. 

Is-Sur Bugeja qal li dwar dan l-intervent,  il-Kamra tal-Aħbarijiet kienet irċeviet stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni dwar l-intervent tal-Ministru Scicluna li għalkemm kienet tippreżenta kontenut informattiv ma kien hemm xejn ta’ importanza partikolari u ta’ valur ta’ aħbar.  Żied li fl-istess 24 siegħa l-istazzjon ma xandarx diversi stqarrijiet oħra relatati ma’ laqgħat ta’ diversi Ministri u Segretarji Parlamentari oħra fi Brussel.  In oltre fit-19:50 irċieva stqarrija tal-PN bħala reazzjoni inizjali għad-diskors tal-Ministru Edward Scicluna iżda peress li l-istazzjon ma rrapurtax d-diskors tal-Ministru, din l-istqarrija ma setgħetx tixxandar. 

Is-Sur Bugeja qal li skont hu dak li kien qed jidher fuq is-social media u uħud mill-ġurnali online ma kienux fatti imma interpretazzjoni ta’ dak li kien intqal u għaldaqstant fid-diskrezzjoni editorjali tiegħu ħass li ma kellux jirrapporta.  Żied li b’mod ġenerali l-istazzjon dejjem ittratta l-issue taċ-ċittadinanza b’mod apert u dejjem fittex li ma jħalli xejn barra, u stqarr li l-aħbarijiet tal-istazzjon huma konsistenti mal-linja editorjali fejn dejjem wasslu s-sustanza tal-messaġġ politiku jekk kien hemm valur ta’ aħbar. 

F’dan l-istadju dwar l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, Dr Mark Vassallo qal li f’dan il-każ wieħed kellu jikkonsidra d-diffikultà tal-Kamra tal-Aħbarijiet li jxandar rapport dwar stqarrija li tidħol ftit minuti qabel il-bullettin prinċipali.  Żied li, in oltre, ir-Registered Editor tal-istazzjon dehrlu li din l-istess stqarrija ma kellhix valur t’aħbar.

Dr Vassallo qal li r-rwol kostituzzjonali tal-Awtorità ma kienx tali li din kellha l-poter li tissostitwixxi d-diskrezzjoni tal-Kap tal-Aħbarijiet ħlief meta jkun hemm estremitajiet ta’ preġudizzju u ta’ imparzjalità.  Żied li f’dan il-kuntest l-Awtorità ma setgħetx tħares lejn dan l-ilment f’iżolament u kellha minflok tiddetermina jekk kienx hemm pattern u serje ta’ istanzi fejn kien jirriżulta żbilanċ.   

Dr Mark Vassallo qal li dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità li rrefera għaliha l-Partit Nazzjonalista kienet tirreferi għal każ differenti u ma kienitx rilevanti għall-ilment odjern. Żied li l-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon kellu diskrezzjoni sanċit bil-liġi (L.S. 350.14) biex jiddeċiedi dwar il-valur tal-aħbar u l-intervent tal-Awtorità tax-Xandir kellu jsir biss f’każijiet estremi. 

Dr Francis Zammit Dimech qal li l-argument tal-istazzjon li ma jistax isegwi u jimmoniterja s-social media kienet problema fl-istruttura u ma kellha bl-ebda mod taffettwa l-kwalità tal-Aħbarijiet.  Żied li l-liġi kienet tqiegħed obbligu aktar oneruż fuq l-istazzjon pubbliku partikolarment dwar materja ta’ kontroversja politika u/jew industrijali, u li l-materja trattata f’dan l-ilment u ċjoe’ l-kwistjoni taċ-ċittadinanza kienet b’mod assolut materja kontroversjali u ta’ policy pubblika kurrenti.  Żied li f’dan il-każ jekk kif intqal l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet waslet tard, l-istazzjon seta’ ħa spunt minnha u pprepara rapport adegwat u mhux ħoloq skuża biex ma jxandarhiex.

Dr Zammit Dimech qal li l-pubbliku kellu d-dritt ikun jaf x’qal Ministru tal-Gvern f’sede Ewropea u l-ħames punti ġia deskritti minn Dr Karol Aquilina kienu jindikaw diverġenza bejn dak li kien qed jgħid il-Ministru u dak li kien qed jippreżenta l-Gvern u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu aħbar li l-istazzjon kellu l-obbligu li jxandar.  Dr Zammit Dimech qal li stazzjon pubbliku ma jistax iffittex li  jibbilanċja ma stazzjonijiet oħrajn u l-Awtorità kellha tara li l-istazzjon pubbliku jwassal għand il-poplu dak li qal il-Ministru.  In vista ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob rimedju.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewg partijiet, l-Awtorita iddeċidiet kif ġej:

(1) Li filwaqt li l-għażla tal-istejjer dwar x’jiġi mxandar jew le hija dejjem dik tal-istazzjon u dan konsonanti mal-provvedimenti tal-Liġi Sussidjarja 350.14, u li għal darb’oħra l-Awtorità ssostni li bl-ebda mod ma trid tusurpa dan id-dritt ta’ għażla, dan id-dritt mhux assolut u l-istess liġi tagħti definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi aħbar. L-Awtorità ma tistax taqbel mat-teżi imressqa mill-PBS li d-diskors li għamel il-Ministru tal-Finanzi fl-intier tiegħu fil-Parlament Ewropew ma kellux valur t’aħbar u li l-PBS kellu jara x’kien id-diskors kollu u sunt tiegħu jitwassal lit-telespettatur, inkluża l-parti fejn tkellem dwar il-kwistjoni taċ-ċittadinanza. B’dan is-servizz komprensiv, il-PBS kien ikun qed iżomm lit-telespettaturi infurmati bl-istorja sħiħa.

(2) Dwar ir-referenza fl-ilment li n-nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ din l-istorja ħoloq żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista, l-Awtorità kkonkludiet li l-istazzjon għażel li ma jinkludix la l-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni dwar il-laqgħa li kellu l-Ministru tal-Finanzi mal-Parlament Ewropew u lanqas l-istqarrija maħruġa mill-PN b’reazzjoni inizjali għal parti minn dak li kien intqal matul l-istess laqgħa. Każ ta’ żbilanċ jinħoloq biss meta xandar jagħżel li jwassal naħa waħda tal-istorja u jeskludi l-parti l-oħra. Dan ma jirriżultax li kien il-każ.

(3) Jirriżulta wkoll li referenza għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi ġie rrapurtat waqt l-aħbarijiet tat-8pm ta’ TVM ta’ nhar il-Ħadd, 8 ta’ Diċembru waqt rapport ta’ attività li fiha tkellem Dr Simon Busuttil, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u waqt ir-rapport ta’ diskors tal-Prim Ministru f’attività oħra fl-istess ġurnata.

(4) Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità tikkonkludi li, filwaqt li l-istazzjon naqas meta għażel li ma jxandarx l-aħbar fuq it-teżi li ma kellhiex valur t’aħbar, ma jsibx li dan ħoloq każ ta’ żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista u għalhekk l-ilment f’dan ir-rigward mhux qed jiġi milqugħ u konsegwentement ma tarax li għandu jingħata rimedju.

(5) Li din id-deċiżjoni tinqara fl-intier tagħha fil-Bullettin tat-8pm ta’ TVM ta’ llum.

Illum 20 ta’ Diċembru, 2013