Ilmenti mill-Alternattiva Demokratika
L-Alternattiva Demokratika ressqet żewġ ilmenti mal-Awtorità tax-Xandir kontra l-PBS permezz ta’ email indirizzata lill-Kap Esekuttiv fis-6 ta’ Mejju 2009. L-Awtorità kkunsidrat dawn l-ilmenti f’seduta li saret nhar it-Tlieta, 12 ta’ Mejju 2009 u waslet għall-konklużjonijiet segwenti:
L-ewwel ilment kien dwar il-fatt li l-PBS, fil-bullettin tal-aħbarijiet tas-6 ta’ Mejju 2009, naqas li jirrapporta dwar żjara li ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika għamel dakinhar fl-uffiċju tal-kumpanija Greenpak, meta fl-istess jum l-istazzjon kien xandar rapporti dwar attivitajiet li kienu wettqu il-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista.
L-istazzjon, fuq talba tal-istess Awtorità, ipprovda r-reazzjoni tiegħu għal dan l-ilment bil-miktub. Fil-qosor, l-istazzjon tenna li n-nuqqas ta’ rappurtaġġ li dwaru sar l-ilment kienet deċiżjoni konxja fid-dawl tal-politika editorjali tal-istazzjon li l-items li jidhru fil-bullettini tal-aħbarijiet għandu jkollhom valur ta’ aħbar. F’dan il-kuntest, l-istazzjon saħaq li l-attivitajiet li twettqu mill-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista u li dwarhom kien sar rappurtaġġ dakinhar (żjara tal-Prim Ministru lill-fabbrika tal-Playmobil fejn tħabbar investiment ġdid sostanzjali mill-kumpanija u żjara tal-Mexxej Laburista fil-villaġġ tas-snajja f’Ta’ Qali fejn saret kritika lill-Gvern dwar in-nuqqas ta’ progress rigward il-proġett għall-iżvilupp ta’ dan il-villaġġ) it-tnejn kellhom valur ta’ aħbar. L-istazzjon ċaħad bl-aktar mod kategoriku li b’xi mod qed jiddiskrimina kontra l-Alternattiva Demokratika u spjega li fl-ewwel sitt ijiem ta’ Mejju kien tella’ erba’ servizzi li fihom kienet saret referenza dwar xi attività jew opinjoni tal-Alternattiva Demokratika.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, l-Awtorità deherilha li ma kienx hemm raġuni valida sabiex tiddisturba d-diskrezjoni editorjali li uża l-istazzjon.
Fit-tieni ilment tagħha l-Alternattiva Demokratika qed tipprotesta illi fuq il-programm Xarabank li huwa ppjanat li jsir dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fl-opinjoni tagħha jidher ċar li l-Alternattiva Demokratika m’hijiex se tingħata spazju fuq il-panel prinċipali mal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.
F’dan ir-rigward, l-Awtorità nnutat li fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv kien diġà kiteb lill-PBS dwar l-obbligu tal-istazzjon li kemm ir-rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika u tal-Azzjoni Nazzjonali għandhom ikunu fuq il-panel prinċipali, għalkemm mhux neċessarjament jingħataw l-istess ħin li jingħata lill-partiti l-kbar.