Deċiżjoni dwal Ilmenti li saru mill-Partit Laburista kontra l-PBS (TVM) taħt Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir
Il-Partit Laburista ressaq żewġ ilmenti, taħt artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir, dwar trattament inġust f’numru ta’ bullettini tal-aħbarijiet ta’ Television Malta. L-Awtorità semgħet dawn lilmenti f’seduta li saret nhar it-Tlieta, 1 ta’ Diċembru 2009. Waqt din is-seduta l-Partit Laburista kien rappreżentat minn Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, President u Segretarju Ġenerali Ad Interim, l-Onorevoli Gino Cauchi u s-Sur Kurt Farrugia, Direttur tal-Komunikazzjoni. L-istazzjon kien rappreżentat minn Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet, u Dr Therese Commodini Cachia, konsulenta legali għall-PBS.
L-ewwel ilment tal-Partit Laburista kien dwar it-trasmissjoni waqt il-bullettin tal-aħbarijiet ta’ TVM ta’ nhar it-Tnejn, 16 ta’ Novembru 2009, tal-konferenza stampa li kienet ingħatat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat mill-bini tal-Parlament wara seduta parlamentari li fiha Dr Muscat kien wassal ir-reazzjoni uffiċjali tal-Oppożizzjoni għad-diskors tal-Budget. Fl-ittra oriġinali li permezz tagħha kien tressaq dan l-ilment, il-Partit Laburista kien ilmenta li, filwaqt li t-trasmissjoni tal-konferenza stampa li kienet ingħatat ġimgħa qabel minn naħa tal-Gvern kienet twaqqfet wara 49 minuta, il-Konferenza tal-Oppożizzjoni kienet ġiet allokata biss 38 minuta ta’ trasmissjoni. Fil-fatt, irriżulta, wara verifika li saret kemm mill-PBS kif ukoll mill-Awtorità tax-Xandir, li din l-informazzjoni ma kinitx korretta għaliex il-ħin ta’ trasmissjoni li ġie allokat għall-konferenza min-naħa tal-Gvern attwalment kien ta’ 39 minuta u 23 sekonda (mhux 49 minuta), jiġifieri minuta u 23 sekonda aktar minn dak allokat għall-Oppożizzjoni. Għalkemm il-PBS u l-Awtorità tax-Xandir ġibdu l-attenzjoni tal-Partit Laburista għal din id-diskrepanza, il-Partit Laburista xorta talab li l-ilment għandu jinstema’.
Waqt is-smigh tal-ilment il-Partit Laburista tenna li, għalkemm id-differenza fil-ħin allokat għażżewġ trasmissjonijiet kienet inqas minn dik li kienet ġiet indikata fl-ittra tal-ilment, xorta waħda kien ġie żvantaġġat peress li il-mistoqsija li kienet saret mill-ġurnalist wara li kienet twaqqfet ittrasmissjoni tal-Oppożizzjoni kienet dwar materja ta’ ċerta importanza.
Wara li evalwat il-fatti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li ma setgħax jingħad li f’dan il-każ il-Partit Laburista kien ġie ttrattat b’mod inġust jew b’mod diskriminatorju, u għalhekk kkonkludiet ukoll li l-ilment ma kienx ġustifikat.
It-tieni lment tal-Partit Laburista kien dwar il-fatt li, waqt li xi siltiet minn stqarrija għall-midja li kien ħareġ il-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd 8 ta’ Novembru 2009 b’reazzjoni għal diskors li kien għamel il-Mexxej tal-Partit Laburista kienu ġew irrappurtati dakinhar stess fil-bullettin talaħbarijiet ta’ TVM, stqarrija għall-midja li kien ħareġ il-Partit Laburista il-Ħadd ta’ wara b’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, ma kienet ingħatat l-ebda rappurtaġġ. Il-Partit Laburista għalhekk ilmenta li dan ma kienx ġust fil-konfront tiegħu, anki minħabba l-fatt li dik il-parti tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li kienet ġiet rrappurtata ‘kienet kompletament barra l-kuntest tad-diskors ta’ Joseph Muscat’. Il-parti rrappurtata kienet tgħid hekk: ‘Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat li pprefera attività partiġġjana fuq ċerimonja li tfakkar il-vittmi taż-żewġ gwerer. Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista akkuża wkoll lil Muscat li baqa’ ma kkommettix ruħu li l-Partit Laburista fil-gvern iraħħas id-dawl u l-ilma’.
B’reazzjoni għal dan l-ilment, l-istazzjon spjega li "Il-policy tagħha dwar stqarrijiet li jkunu għamlu l-mexxejja jiġu inklużi biss jekk ikun fihom fatti relevanti u mhux opinjonijiet politiċi ... il-bullettini tagħna m’humiex notice boards, la tal-partiti politiċi, u ta’ ħadd". L-istazzjon tenna wkoll li l-kontenut tal-istqarrija tal-Partit Laburista kien effettivament ripetizzjoni tad-diskors li kien għamel il-Mexxej Laburista dakinhar stess, diskors li skont l-istazzjon kien ingħata rappurtaġġ estensiv fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ dakinhar.
L-Awtorità tax-Xandir ma tistax ma taqbilx mal-politika editorjali tal-PBS indikata fil-paragrafu preċedenti, anki minħabba l-fatt li din il-policy għandha tgħin sabiex jonqos il-kontenut politiku eċċessiv fil-bullettini tal-aħbarijiet. Naturalment, importanti li din il-politika editorjali tiġi interpretata b’mod ekwu u konsistenti.
Wara li evalwat il-kontenut tal-bullettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tal-15 ta’ Novembru 2009 kif ukoll it-test tal-midja release maħruġa mill-Partit Laburista fl-istess data, l-Awtorità tħoss li dakinhar l-istazzjon mexa b’konformità mal-politika editorjali tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-bullettin tal-aħbarijiet tat-8 ta’ Novembru 2009, l-Awtorità ma tistax tifhem kif, waqt li f’servizz dwar iċ-ċelebrazzjonijet ta’ Jum it-Tifkira l-istazzjon ma deherlux li kien hemm il-ħtieġa li jikkummenta dwar l-assenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt iċ-ċerimonja fuq il-monument tal-Gwerra (għalkemm intwera filmat tal-Onorevoli Anglu Farrugia li kien qed jirrappreżenta lill-Kap tal-Oppożizzjoni), imbagħad wasal għall-konklużjoni li referenza għal din l-assenza fi stqarrija ta’ partit politiku kienet tikkostitwixxi "fatt relevanti" u mhux "opinjoni politika" u li għalhekk kien jixirqilha tixxandar. L-Awtorità hija tal-opinjoni li hawnhekk listazzjon ma kienx konsistenti mal-politika editorjali tiegħu u għalhekk l-Awtorità hija tal-fehma wkoll li l-ilment tal-Partit Laburista, f’dan il-kuntest partikolari, huwa ġustifkat. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li, fiċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ, ma jkunx f’waqtu li tipprovdi xi rimedju partikolari.