TVM - News Conference - 18 ta' Mejju 2020




Deċiżjoni dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tax-xandira tal-konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru li xxandret fuq TVM fit-18 ta’ Mejju 2020

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited rigward konferenza tal-aħbarijiet mogħtija fit-18 ta’ Mejju mill-Prim Ministru flimkien mad-Deputat Prim Ministru u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. L-ilment tal-Partit Nazzjonalista kien primarjament jikkonsisti fil-fatt li f’din ix-xandira l-Prim Minsitru tkellem għal ħafna ħin bl-aktar mod partiġġjan u f’kull każ uża ħin, aktar minn siegħa u tliet kwarti, biex jitkellem fuq issues ta’ politika kurrenti u fuq issues ta’ kontroversja politika.

Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li dan sar bi ksur sfaċċat ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-liġi u r-regolamenti tax-xandir. Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprovdi għal tqassim ġust tal-ħin u faċilitajiet tax-xandir bejn persuni minn partiti politiċi differenti. F’parti oħra mill-ilment il-Partit Nazzjonalsita enfasizza li l-Prim Ministru kien uża konferenza tal-aħbarijiet fuq il-Covid-19 anke biex jitkellem fuq ir-rapport tal-Kummissarju fuq l-Istandards u fuq ir-riformi kostituzzjonali u b’hekk żdiedet id-doża ta’ partiġġjaniżmu tax-xandira inkwistjoni. 

L-Awtoritá semgħet lil Dr Francis Żammit Dimech li deher f-isem il-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Buġeja li kien akkumpanjat mill-Avukat Dr Mark Vassallo għall-PBS.

Dr Zammit Dimech spjega li l-każ jitratta konferenza tal-aħbarijiet li saret u xxandret fit-18 ta’ Mejju u indirizzata minn żewġ politiċi u uffiċjal pubbliku; mill-Prim Ministru, il-Ministru tas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Dr Francis Żammit Dimech sostna li jkun żball tal-Awtorità jekk tillimita ruħha għal issues ta’ kontroversja politika u industrijali imma qal li għandha wkoll tħares lejn elementi ta’ policy kurrenti kif fil-fatt jitlob Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni, liema Artiklu jitlob ukoll lill-Awtorità li tara li jkun hemm rappreżentanza xierqa bejn il-partiti politiċi li huma rappreżentati fil-Parlament. Għalhekk ir-rimedju għandu jkun wieħed awtomatiku u totali. Talab li r-rimedju jkun viċin il-format oriġinali u t-tliet kelliema jiġu kontro-bilanċjati. Min-naħa l-oħra jekk l-Awtorità tiddeċiedi li l-parti teknika ufficjali u professjonali titħalla fil-ġenb, xorta wahda tibqa’ b’żewġ politiċi u allura trid taghti rimedju għall-parti politika tal-programm. Skont Dr Zammit Dimech, dak li ġara fit-18 ta Mejju u dak li ġara qabel u li ġara wara qed toħloq sitwazzjoni ta’ żbilanċ serju bla preċedent u qed imorru lejn zminijiet ta’ Xandir Malta.

Irrefera wkoll li hemm sentenzi mill-Qrati li trattaw jekk l-fatt li l-kontenut ta’ dak li jkun qed jingħad fil-konferenza tal-aħbarijiet ikunx wieħed marbut mal-fatti huwa irrelevanti. Qal li l-Awtorità m’għandhiex tidħol f’dak it-tip ta’ eżami ħalli tara jekk hemmx kontroversja imma għandha tistabilixxi li il-fatt li hemm opinjoni u jekk dik hijiex kurrenti, u fil-każ ta’ konklużjoni pożittiva, allura għandha tagħti rimedju. Qal li l-Awtorità għandha tagħmel analizi u għandha tikkonsidra taħlita ta’ subject matter għaliex jekk il-konferenza tal-aħbarijiet issejħet biex jiġu rilaxxati ċertu miżuri, u l-format kien ta’ konferenza tal-aħbarijiet, imma meta jittieħed l-assjem u d-domandi li saru, wieħed isib domandi li lanqas biss jirreferu għall-pandemija imma s-suġġet kien marbut ma’ użu ta’ fondi pubblici mill-Ministri tal-Gvern.

Min-naħa tal-PBS, Dr Mark Vassallo beda billi sostna li din ix-xandir mhux biss xandarha l-PBS imma wkoll in-Net TV għaliex l-iskop tax-xandira kien li jitħabbru r-rilaxx ta’ miżuri u li kienu mistennija mill-pubbliku. Qal li l-qofol ta’ din il-konferenza kien li se tingħata informazzjoni dwar kif wieħed se jmexxi ħajtu fil-jiem ta’ wara. Qal li kienet konferenza li wasslet informazzjoni li seta’ bissa jagħtuha l-Prim Ministru, il-Ministru tas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa. Dr Vassallo staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista kienx qed jitlob rimedju biex rappreżenanti tal-PN jagħtux ir-risposta għal dak li intqal fit-18 ta’ Mejju. Qal li fit-18 ta’ Mejju ma tħabbrux xi miżuri jew taxxi imma tħabbru deċiżjonijiet dwar illaxkar ta’ miżuri li kienu tħabbru qabel fejn il-pubbliku intalab biex jibqa’ d-dar.

Dr Mark Vassallo qal li illum l-Awtorità trid tara jekk id-diskorsi li saru kienux imżejna b’kummenti politiċi. Qal ukoll li jekk l-Awtorità se taġixxi wara b’rimedju, tajjeb wieħed jistaqsi jekk hux se tinħoloq disparita għaliex din il-konferenza kienet hemm biss biex partikolarment titwassal informazzjoni. Fl-intervent tiegħu, Dr Vassallo irrefera għad-deċiżjoni tal-Awtorità li qal li kienet deċiżjoni riċerkata, wara li investigat l-ilment tal-Partit Nazzjonalista rigward il-program Xarabank tat-13 ta’ Marzu u l-Awtorità fid-deċiżjoni tagħha qalet li “fil-mument partikolari u ta’ emerġenza nazzjonali u mondajli kien idoneu li l-istazzjon jistieden lill-Prim Ministru biex iwieġeb għad-domandi u l-preokkupazzjonijiet tal-pubbliku stante li din l-informazzjoni setgħet biss tingħata mill-Prim Ministru tal-pajjiż kif il-fatt kien qed iseħħ fil-pajjiżi barranin kollha”.

Dr Vassallo qal li dan il-perjodu kien sitwazzjoni diffiċli minħabba l-pandemija u aktar u aktar kienet essenzjali l-konferenza għaliex kien wasal il-mument biex il-Prim Ministru jħabbar il-miżuri ta’ rilaxxament. Qal li l-qofol tal-konferenza kien li titwassal informazzjoni.

Dr Francis Zammit Dimech ikkummenta għall-analiżi li għamel Dr Mark Vassallo ftit qabel u qal li Dr Vassallo għamel ammissjonijiet li taċċetta rimedju minħabba li d-diskors ma kienx kollu informazzjoni imma kien imżejjen b’diskors politiku u allura dan kien ifisser li kien diskors partiġġjan u għalhekk kellu jkun hemm rimedju. Qal li din kienet xi ħaġa li l-Awtorità missha ħadet il-passi minn jeddha u mhux stenniet ilment.

Qal li kull ma kien intqal fil-konferenza tal-aħbarijiet, dan kien diġa imħabbar mill-Prim Ministru f’intervista li kien ta l-ġurnata ta’ qabel fejn ħabbar miżuri ta’ rilaxx u għalhekk ma kien hemm l-ebda element jew xi forma ta’ breaking news. Dr Francis Zammit Dimech qal li l-konferenza ixxandret fuq NET TV u dan b’rispett lejn l-Awtorità tax-Xandir minħabba li tat gwida marbuta mal-pandemija u allura ħass li kellha tixxandar. Qal li l-bilanċ ġabu bi programmar ieħor matul it-trasmissjoni tal-istazzjon.

Dr Mark Vassallo qal li matul dik il-ġimgħa l-PBS għamel diversi programmi u servizzi fl-aħbarijiet fejn kien hemm rappreżentanti tal-PN li ġew mistiedna fuq ix-xandir u li taw il-verżjoni tagħhom u għalhekk talab lill-Awtorità tara dan l-ilment fl-assjem tiegħu.

Is-Sur Reno Bugeja qal li dwar il-ħin u d-durata tal-konferenza tal-aħbarijiet, il-PBS m’għandhomx kontroll fuqha bħala stazzjon, kif m’għandhomx kontroll fuq il-mistoqsijiet li jsiru waqt il-konferenza.

Fl-aħħarnett Dr Francis Zammit Dimech reġa’ talab lill-Awtorità sabiex timxi ma’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni u jixtieq li jingħata rimedju biex ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-PN ma jirrikorrix għall-mezzi oħra.

L-Awtorita ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u l-konferenza tal-aħbarijiet in kwistjoni u wara li ddiskutiet dak kollu li intqal kif ukoll rreferiet għal deċiżjonijiet preċedenti kkostatat is-segwenti u cioe;

Li din kienet xandira nazzjonali mill-Prim Ministru bħala Kap ta’ Stat li ried jgħaddi l-aħħar informazzjoni aġġornata lin-Nazzjon u dan seta’ jsir fuq l-istazzjon pubbliku. L-element politiku f’din il-konferenza kien provokat minn xi mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti. Il-parti l-kbira minn din ix-xandira kienet informattiva iżda l-element politiku sar fil-parti tal-mistoqsijiet, liema mistoqsijiet ipprovokaw element politiku waqt li kienet qed tingħata r-risposta. Fiċ-ċirkostanzi, l-Prim Ministru kellu bilfors iwieġeb. Għalkemm l-Awtorità hija konxja li qualsiasi żbilanċ inħoloq biss minħabba d-domandi li saru; biex toħloq bilanċ jidhrilha li jkun suffiċjenti li jingħata opportunità lill-Kap tal-Oppożizzjoni u dan biex l-element politiku li sar minħabba xi mistqosijiet li saru jiġu bbilanċjati b’din ix-xandira. Dan m’għandux jittieħed bħala ċensura tal-PBS għaliex l-Awtorità tirrikonixxi li l-PBS ma kellu l-ebda kontroll fuq il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u wisq anqas fuq dak li wieġeb il-Prim Ministru.

L-Awtorità tiċċara wkoll li ċ-ċirkulari 1/20 li ħarġet f’Marzu li għadda dwar xandir marbut mal-perjodu tal-pandemija tal-Coronovirus u li fiha saret referenza għall-konferenzi tal-aħbarijiet li kienu qed isiru kuljum fejn ħeġġet lix-xandara biex dawn il-konferenzi jiġu trasmessi live, dawn il-konferenzi kienu qed jirreferu għall-konferenzi tal-aħbarijiet li kienu qed isiru fir-rigward ta’ aġġornament mediku dwar l-imxija tal-Covid-19.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet illi f’dan il-każ tilqa’ dan l-ilment in parti u l-Kap tal-Oppożizzjoni jingħata ħin ta’ 10 minuti fil-format ta’ messaġġ biex jinħoloq bilanċ għall-element politiku li ġew ipprovokati minn uħud mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Dan il-messaġġ irid iservi biss biex partikolarment u speċifikament jitwieġbu l-kummenti politiċi li saru f’din iċ-ċirkostanza u b’hekk jinħoloq bilanċ. Dan il-messaġġ li għandu jixxandar biss fuq TVM, irid jiġi approvat mill-Awtorità u għandu jixxandar sa mhux aktar tard min-nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju.

Barra minn hekk bħala rimedju għall-futur l-Awtorità ddeċidiet li f’konferenzi tal-aħbarijiet futuri, jekk ma jkunux aġġornament mediku iżda li jitrattaw is-suġġett tal-pandemija, meta jiġu għal domandi tal-ġurnalisti, l-PBS ma jippermettix li dawn jixxandru pubblikament fuq TVM jew TVM2 bħala parti integrali mill-konferenza u dan b’effett immedjat. Madanakollu dawn il-mistoqsijiet jistgħu jibqgħu jiġu mxandra fuq pjattaformi diġitali u servizzi oħra.

Qabel ma jixxandar dan il-messaġġ għandu jinqara dan l-avviż:

Avviż li jrid jinqara qabel il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Dan il-messaġġ qed jixxandar wara li l-Awtorita tax-Xandir għażlet li tagħti rimedju biex il-Kap tal-Oppożizzjoni ikun jista’ jikkontrabatti qualsisasi kummenti politiċi li saru fil-konferenza tal-aħbarijiet imxandra fit-18 ta’ Mejju.

Illum, 16 ta' Ġunju 2020