TVM - News Conference - 8 ta' Ġunju 2020




Deċiżjoni dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd fir-rigward tax-xandira tal-konferenza tal-aħbarijiet li xxandret fuq TVM fit-8 ta’ Ġunju 2020

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra  l-istazzjon pubbliku PBS Ltd rigward xandira diretta ta’ konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Prim Ministru flimkien ma’ żewġ Ministri oħra tal-Gvern li xxandret fit-8 ta’ Ġunju 2020. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li f’din ix-xandira li damet għaddejja għal aktar minn siegħa u nofs, il-kelliema tkellmu fuq materja ta’ politika kurrenti u fuq materja ta’ kontroversja politika.

Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li minn ħin għal ħin il-Ministri użaw ton partiġġjan fl-interventi tagħhom u b’hekk kien qed isir użu abbużiv tax-xandir pubbliku, bi ksur ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-liġi u r-regolamenti tax-xandir minħabba li l-Kositituzzjoni tipprovdi għal tqassim ġust tal-ħin u faċilitajiet tax-xandir bejn persuni minn partiti politiċi.  Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista għalhekk talab li jingħata l-istess ammont ta’ ħin u faċilitajiet fuq ix-xandir pubbliku u tkun trasmessa konferenza simili tal-aħbarijiet mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-kelliema fuq il-Finanzi u l-Ekonomija sabiex jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ kostituzzjonalment. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista talab li r-rimedju jieħu l-istess format u l-istess ħin tax-xandira.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina li deher f’isem il-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Buġeja li kien akkumpanjat mill-Avukat Dr Mark Vassallo għall-PBS.

Dr Karol Aquilina spjega li din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet xandira ministerjali li fiha tħabbru miżuri li ma kellhomx x’jaqsmu mas-saħħa pubblika imma mal-miżuri ekonomici. Qal li l-Prim Ministru għamel kummenti politiċi dwar il-miżuri li kien ħa l-Gvern. Dr Karol Aquilina kompla jgħid li din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet miżgħuda b’kummenti politici kemm mill-Prim Ministru kif ukoll mill-Ministri tal-Finanzi u tal-Ekonomija u allura kieku l-Prim Ministru llimitaha bħala tħabbira ta’ dettalji informattivi wieħed kien jargumenta li kien hemm informazzjoni oġġettiva. Madanakollu il-Prim Ministru għażel li jsebbaħha b’kummenti politiċi; u dan sar fuq l-istazzjon nazzjonali.

Filwaqt li jifhem li x-xandir tal-istat obbligat li jxandar din ix-xandira iżda jeħtieġ jifhem ukoll li jekk ikun hemm abbuż minn xandiriet bħal dawn, għandu jkun hemm konsegwenza. Qal li f’dan il-każ dan kien abbuż min-naħa tal-Prim Ministru u l-Ministri minħabba li għamlu kummenti politiċi, il-Partit Nazzjonalista seta ta rimedju minn jeddu.

Dr Aquilina talab lill-Awtorità tagħmel distinzjoni bejn konferenza tal-aħbarijiet marbuta mas-saħħa pubblika fejn kien qed jiġi spjegat it-tħabbir ta’ miżuri u rilaxx ta’ miżuri u allura hija obbligu tal-istat u konferenza tal-aħbarijiet li trattat miżuri ekonomiċi bħal dan il-każ u li dwarhom kien hemm kontroversja pubblika. Qal li fih innifsu dan kien suġġett ta’ natura kontroversja politika u allura għandu jkun osservat il-bilanċ.

Dr Aquilina rrefera għall-aħħar deċiżjoni li l-Awtorità ħadet fir-rigward tal-ilment tal-PN dwar ix-xandira tal-konferenza tal-aħbarijiet tat-18 ta’ Mejju u qal li l-Awtorità trid tibda tagħraf tikkonsidra r-rimedju li jingħata għal ksur ta’ dritt li seħħ bħal dan. Anke f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista jistenna li jekk il-Prim Ministru ħa ammont ta’ ħin, jippretendi li l-Oppożizzjoni jkollha l-istess ħin allokat għaliha biex jinħoloq bilanċ skont kif titlob il-Kostituzzjoni ma jarax għaliex għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-ħin li qed jiġi utilizzat mix-xandir fuq l-istazzjon nazzjonali.

F’isem il-PBS, Dr Mark Vassallo għamel il-kontro argument tiegħu u kkummenta li jidher li l-Partit Nazzjonalista qed jaqbel li ż-żewġ konferenzi tal-aħbarijiet kienu xandiriet ministerjali u kienu bżonn minħabba li fihom tħabbret informazzjoni lin-Nazzjon.

Dr Mark Vassallo qal li madanakollu l-Awtorità tax-Xandir ma tistax tiddeċiedi unikament fuq dak li ħareġ f’dik il-ġurnata partikolari għaliex il-format ta’ rimedju u allura ta’ bilanċ ma jieħux l-istess format. Dr Vassallo fakkar li wara din ix-xandira li fiha tħabbru miżuri finanzjarji, kien hemm reazzjoni dwar miżuri selettivi u ristrettivi.

Is-Sur Reno Buġeja kkummenta li bħala stazzjon pubbliku l-PBS għandu l-obbligu li jxandar dawn it-tip ta’ xandiriet u talab lill-Awtorità biex tagħmel evalwazzjoni oġġettiva ta’ dak li intqal.

Dr Karol Aquilina rreaġixxa għal dak li qal Dr Mark Vassallo li kien hemm kull opportunità li jirreaġixxu iżda Dr Aquilina spjega li dan ġara billi l-Partit Laburista kien preżenti wkoll u għalhekk din mhux talli ħolqot xi forma ta’ rimedju anzi tat pożizzjoni privileġġjata li marret lil hinn mill-konferenza tal-aħbarijiet.

Dr Karol Aquilina qal li stenna li wara d-deċiżjoni li kienet ħarġet l-Awtorità tax-Xandir fir-rigward tal-ilment l-ieħor, il-PBS kien iħoss minn jeddu li jirrimedja hu stess.

Dr Mark Vassallo spjega li dak li jista’ jagħmel il-PBS huwa li joffri coverage bilanċjat, għaliex il-PBS ma jistax joffri xandira ministerjali. Fakkar li Dr Adrian Delia kien diġa ġie rrapurtat fl-aħbarijiet stess ta’ dakinhar u ittieħdet sound on tape għaliex il-PBS ma jistax jagħti xandira ministerjali. Dr Mark Vassallo qal li l-Gvern għandu dritt jagħmel xandira ministerjali u l-PBS għandha l-obbligi li tibbilanċja l-affarijiet, iżda imbagħad hemm l-Awtorità li tara jekk kienx hemm żbilanċ jew le.

Dr Karol Aquilina saħaq li x-xandiriet l-oħra ma joffrux rimedju u ma jibbilanċjawx max-xandira ministerjali. Kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma għandux problema li jagħtu informazzjoni oġġettiva meta kien hemm tħabbir ta’ miżuri ta’ rilaxx imma meta kien hemm kummenti politiċi, l-Partit Nazzjonalista jkollu joġġezzjona għaliex il-mument li tinqabeż dik il-linja, allura l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-istess faċilitajiet.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva u l-konferenza tal-aħbarijiet in kwistjoni, u wara li rreferiet għal deċiżjonijiet preċedenti, kkonstatat is-segwenti u cioe:

Li din kienet konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew imħabbra miżuri ekonomiċi li kienu mezz ta’ informazzjoni għas-settur tan-negozju u għall-pubbliku.  Din il-konferenza tal-aħbarijiet saret mill-Prim Ministru bħala Kap ta’ Stat u mill-Ministri tal-Finanzi u tal-Ekonomija rispettivament. F’din ix-xandira nazzjonali il-Prim Ministru u l-kelliema tal-Gvern kellhom id-dritt u l-obbligu li jħabbru dettalji informattivi dwar il-miżuri ekonomiċi u l-istazzjon pubbliku kellu l-obbligu li jxandar din it-trasmissjoni.  

Kif ġara f’każ preċedenti li ukoll kien hemm ilment dwaru quddiem l-Awtorità miżmuma ġimgħa qabel u li kien ukoll jitratta konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Prim Ministru, l-element politiku intlaħaq primarjament fil-mument li saru l-mistoqsijiet mill-ġurnalisti preżenti għal din il-konferenza. Ta’ min jirrimarka li fl-ilment ma ġewx elenkati l-kummenti politiċi li ilmenta dwarhom il-Partit Nazzjonalista iżda l-Awtorità rat li l-kummenti politiċi saru fil-maggior parti waqt il-ħin tal-mistoqsijiet.   Bħal fil-każ ta’ qabel, il-Prim Ministru u l-Ministri preżenti wkoll kellhom iwieġbu ċerti mistoqsijiet anke jekk ma kinux jitrattaw is-suġġett tal-konferenza. U għaldaqstant f’dan il-każ inħoloq żbilanċ minħabba din il-parti tax-xandira. Għal darb’oħra l-Awtoritá tirrikonixxi li l-PBS ma kellha l-ebda kontroll fuq il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti jew it-tweġibiet tal-Prim Ministru jew tal-Ministri.

Fil-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet li xxandar immedjatment wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-PBS xandar r-reazzjoni immedjata tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-miżuri li kienu għadhom kemm ixxandru. Din l-item tal-aħbarijiet irrapurtat dak li kien għadu kif qal Dr Adrian Delia għall-miżuri ekonomiċi li kienu għadhom kif tħabbru fil-konferenza tal-aħbarijiet u dan wassal biex il-PBS ta r-reazzjoni immedjata kif għandu l-obbligu li jagħmel biex jilħaq il-livell ta’ bilanċ u imparzjalità. Barra minn hekk il-PBS ħa l-inizjattiva billi fl-istess lejla l-Oppożizzjoni ġiet mistiedna fi programm ta’ ġrajjiet kurrenti, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi li kien wieħed mill-kelliema tal-konferenza tal-aħbarijiet, biex tagħti l-veduti tagħha f’isem l-Oppożizzjoni dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li kien għadu kif tħabbar mill-Gvern. Matul dik l-istess ġimgħa ġew mistiedna ukoll esponenti tal-Partit Nazzjonalista fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li ukoll ingħataw iċ-ċans li jitkellmu dwar il-miżuri ekonomiċi.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità ddeċidiet li tilqa’ dan l-ilment iżda ma jistax jingħata rimedju minħabba li l-bilanċ kien intlaħaq bl-intervent immedjat li l-PBS ta meta ġab ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet eżattament wara l-konferenza. Il-PBS  ukoll għamel stediniet fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti partikolament fejn ħa sehem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli għall-Finanzi flimkien mal-Ministru Edward Scicluna fil-programm li segwa l-istess bulettin f’dik il-lejla stess.

Rigward il-kummenti politiċi li setgħu saru fil-ħin tal-mistoqsijiet l-Awtorità kienet diġà indirizzat u ddeċidiet dan f’ilment ieħor li instema’ ġimgħa qabel. Fil-fatt l-Awtorità terġa’ tagħmel referenza għad-deċiżjoni tagħha mogħtija riċentament fis-16 ta’ Ġunju, li għaliha diġa saret referenza li indirizzat din il-problema sabiex tiġi evitata għall-futur. L-Awtorità terġa’ tesiġi li f’konferenzi tal-aħbarijiet futuri, jekk ma jkunux aġġornamenti mediċi, iżda li jitrattaw suġġetti li jkunu riżultat ta’ dak li ġabet magħha l-pandemija, il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti m’għandhomx jixxandru mill-PBS fuq TVM jew TVM2 bħala parti integrali mill-konferenza u x-xandira tieqaf mal-għeluq tad-diskors tal-kelliema.  Ix-xandira fl-intier tagħha u allura inkluż il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti jistgħu jibqgħu jiġu mxandra fuq pjattaformi diġitali u servizzi oħra. 

 

26 ta’ Ġunju 2020