TVM - Niskata - Tas-6 u s-7 ta’ Novembru, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-edizzjonijiet tal-programm Niskata li xxandru fis-6 u s-7 ta’ Novembru,  2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta

(i) fil-programm tas-6 ta’ Novembru kien hemm rokna ma’ Donella Agius li fiha mudelli dehru b’ilbies differenti biex jippromovu l-moda attwali.  Waqt din ir-rokna saru referenzi għall-ilbies partikolari iktar mill-istil u dan jagħti lok għar-reklamar b’ħabi, aktar u aktar meta kien hemm indikazzjoni biex it-telespettaturi jfittxu l-isem ta’ Donella Agius fuq il-Facebook u jkunu jistgħu isaqsu l-mistoqsijiet.  Eżatt wara dan is-servizz, ixxandar l-isponsor bid-dettalji ta’ D Club ta’ Vjal Indipendenza, Naxxar u dan bi ksur tal-provedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir; u

(ii) fl-edizzjoni tas-7 ta’ Novembru kien hemm Rita li tkellmet dwar diversi lbiesi li ħadet magħha fl-istudio. Waqt il-preżentazzjoni saru rimarki li dawn l-ilbiesi jiġu f’diversi qisien. Skont l-akkuża l-mod ta’ kif twasslet din ir-rokna wassal biex din ġiet ridotta għal rokna ta’ telebejgħ mingħajr ma ġie indikat il-prezz.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Rueben Zammit Head of Programmes f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sinjura Angela Agius għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Diċembru, 2013, li minn naħa tagħha ikkontendiet li ż-żewġ każi kienu riżultat ta’ nuqqas minn naħa tal-produzzjoni u li hekk kif kienet infurmata bl-akkuża hija ħadet il-miżuri neċessarji sabiex każi simili jiġu kompletament evitati. 

Is-Sinjura Agius u kif ukoll is-Sur Zammit irrikonoxxew il-fatt li sfortunatament xi drabi l-mistiedna fil-programmi jaqbżu l-limiti konsentiti u jitrasformaw irkejjen informattivi f’reklami. 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż tal-fatt li l-istazzjon kien ammetta l-akkuża u li kien ħa l-miżuri korrettorji u iddeċidiet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm u li jidher li kienu diġà ttieħdu passi mill-produtturi f’dan ir-rigward iddeċidiet li flok timponi l-penali toħroġ twiddiba lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

16 ta’ Diċembru, 2013